“Krstic Dragoljub, inqatel b’daqqa waħda ta’ sikkina li nifditlu qalbu.” Din kienet il-konklużjoni tal-espert forensiku, it-tabib Mario Scerri, meta xehed fil-ġuri fil-konfront Emil Atanasov ta’ 29 sena, li jinsab akkużat bil-qtil tas-Serb Dragoljub f’appartament f’Buġibba fi Frar ta’ sentejn ilu.
Atanasov, ta’ nazzjonalita’ Bulgara, wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Fix-xhieda tiegħu, it-tabib Scerri qal ukoll li minbarra d-daqqa fatali, il-vittma kellu wkoll diversi tbenġil u brix. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-akkużat, it-tabib Scerri qal li dan sofra ġrieħi serji fuq għajnu l-leminija u tbenġil f’għonqu u sidru. Madanakollu, it-tabib qal li ma kienx hemm evidenza li xi ħadd ipprova jifga’ lill-akkużat.
Atanasov qed jinsisti li aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu u qal li l-vittma kien mbuttah mal-ħajt u pprova jifggħu. Filwaqt li l-espert ikkonferma liż-żewġ irġiel kienu nvoluti fi ġlieda, il-ġrieħi li sofra l-vittma kien iktar serji minn dawk li sofra l-akkużat. L-argument allegatament seħħ minħabba mużika għolja li kienet qed tindaqq fl-appartament tal-akkużat.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa l-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-Avukat Elaine Mercieca filwaqt li l-Avukat Malcolm Mifsud qed jidher għal Atanasov. Il-ġuri jkompli jinstema’ llum.
//= $special ?>