Futbol Lokali Qorti Sport

Jammetti akkużi ta’ match fixing imma ma jeħel xejn għax ikkollabora mal-Pulizija

Seyble Zammit, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li kien akkużat b’match fixing ta’ logħob tat-Tim Nazzjonali Malti U/21, illum iddikjara li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh. Madankollu, il-Qorti ma ppenalizzatux minħabba li kollabora ħafna mal-Pulizija.

Fil-każ, Zammit kien akkużat b’match fixing ta’ mill-anqas żewġ logħbiet li t-Tim Nazzjonali Malti U/21 lagħab fil-proċess ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat tal-UEFA U/21.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li qed tuża’ proviżjoni fil-Liġi li titratta direttament il-korruzzjoni fl-isports. F’dan il-każ, jekk persuna tammetti l-akkużi u tagħti informazzjoni relatata, tista’ ma tiġix ippenalizzata.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Sean Scicluna qal li l-Pulizija rċeviet rapport mill-Uffiċjal tal-Integrità tal-MFA Franz Tabone, b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni dwar waħda mil-logħobiet. Spjega li investigazzjonijiet ukoll dwar logħba suċċessiva wasslu għall-arrest ta’ Zammit u ta’ persuna oħra, li s’issa għadha ma ssemmietx b’isimha.

L-Ispettur kompla li matul l-interrogazzjoni, iż-żagħżugħ qal lill-Pulizija li barrani offrielu €6,000 biex jara li r-riżultat tal-logħba jiġi kif irid il-barrani, li ġie Malta speċifikament għalhekk. Madankollu, jidher li ħadd mill-plejers involuti ma aċċettaw l-offerta.

Min-naħa l-oħra, jekk il-ftehim ma jintlaħaqx, Zammit kellu jħallas għall-akkomodazzjoni u l-ispejjeż tas-safar tal-barrani.

Wara din ix-xhieda, il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex is-seduta tkompli bil-bibien magħluqa ħalli jkun jista’ jixhed Seyble Zammit. Il-Qorti aċċettat it-talba biex ma jkunux mittiefsa l-investigazzjonijiet li għadhom iridu jkomplu.

Madwar siegħa wara, iż-żagħżugħ deher ħiereġ mill-Awla tal-Qorti u hekk kif sar magħruf li ma ġiex ippenalizzat mill-Qorti, ingħata merħba mill-qraba tiegħu li wkoll kienu qed jistennew barra.

L-Avukati Mario Mifsud u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.