Lokali

“Ma nistgħux naċċettaw l-attitudni ħażina tal-Gvern li qed tkisser il-governanza” – il-UĦM

Josef Vella jispjega r-raġunijiet għaliex il-UĦM se tattendi d-Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni

Il-Gvern tilef kull saħħa morali bil-konsegwenza li qed ifalli fil-governanza u dan se jwassal biex se jbati l-ħaddiem.
Iddikkjara dan il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella, meta f’konferenza tal-aħbarijiet spjega r-raġunijet għaliex il-UĦM se tkun qed tattendi d-Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej.

“Hemm obbligu morali ta’ kwalunkwe msieħeb soċjali li jieħu sehem fil-Portesta Kontra l-Korruzzjoni” żied jgħid Josef Vella.
Id-Dimostrazzjoni Nazzjonali ssejjħet fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama Papers, li fih, il-Ministru Konrad Mizzi tniżżel f’lista ta’ aktar minn 140 politiku minn madwar id-dinja li użaw il-Panama biex jiftħu kumpaniji sigrieti.

Bi kliem iebes, Josef Vella talab lill-Gvern biex ma jitrattax lin-nies ta’ boloh għax ħadd m’hu jemmen li Konrad Mizzi ried jiftaħ kumpanija fil-Panama u kont f’Dubaj biex iġemma’ għat-tfal tiegħu. Żied li kienu l-banek stess ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li ma fetħux il-kontijiet bankarji wara li Konrad Mizzi falla mid-due diligence.

Josef Vella żied li irrispettivament mid-dettalji tal-każ, il-ħażin seħħ fil-prinċipju meta Konrad Mizzi, waqt li qed iservi bħala Ministru, fetaħ il-kumpanija fil-Panama.

In-nuqqas ta’ deċiżjonijiet qed iħallu impatt fuq il-governanza tal-pajjiż, spjega Josef Vella li qal li l-Gvern għandu attitudni ħażina, li minflok qed tixpruna l-governanza tajba, qed juża l-partiġġjaniżmu li jifred.
“Issa biżżejjed, tħallix is-sitwazzjoni tkompli tiddeġenera” saħaq Josef Vella f’appell biex il-Gvern jagħti każ il-poplu dejjem u mhux meta jsib daru mal-ħajt.

Dwar l-attakki fuq il-UĦM, Josef Vella staqsa x’demokrazija hi jekk se naslu f’sitwazzjoni fejn imsieħeb soċjali ma jkunx jista’ jitkellem għax inkella jispiċċa attakkat.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM temm jgħid li dan in-nuqqas ta’ governanza mill-Gvern se jwassal biex jintlaqtu ħażin il-ħaddiema u n-negozji ż-żgħar f’pajjiżna.

“Biex titlef reputazzjoni ma tridx tagħmel ħiltek u jekk nieħdu timbru ħażin, ma jsalvana ħadd” sostna Josef Vella, b’referenza għas-settur finanzjarju, li jħaddem madwar 9,000 persuna u li jinsab f’riskju wara l-iskandlu tal-Panama.