Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ stupru

Libjan ta’ 33 sena ma nstabx ħati li stupra mara Ingliża f’appartament f’Tas-Sliema wara lejl f’Paceville.

L-inċident seħħ fil-21 ta’ Settembru tal-2013 meta l-mara għamlet rapport fl-għassa tal-pulizija ta’ Tas-Sliema fuq suspett li setgħet ġiet stuprata għaliex ma setgħetx tiftakar x’ġara fil-lejl ta’ qabel.

Fl-istqarrija tagħha, il-mara qalet li fil-lejl ta’ qabel hi kienet qed tixrob f’diversi stabbilimenti f’Paceville u li l-aħħar ħaġa li tiftakar kienet li ltaqgħet ma’ raġel Irlandiż. Hi ammettiet li kellha x’taqsam sesswalment iżda qatt ma tat il-kunsens tagħha.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat qal li hu ltaqa’ mal-mara f’Paceville u wara ftit bdew jitbewwsu. Hu qal li ftit wara hi qalet li riedet tmur id-dar għaliex kienet xurbana u hu fehem li riedet tmur fl-appartament tiegħu f’Tas-Sliema.

Hu qal li waqt li kienu mexjin lejn taxi, il-mara waqgħet u barxet irkobbtejha. Il-Libjan kompla li meta waslu fl-appartament il-mara insistiet li jkollhom x’jaqsmu sesswalment u hu aċċetta. Il-Libjan insista li qatt ma uża vjolenza.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, qalet li l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-każ lil hinn minn kull dubju raġjonevoli. Il-Qorti nnutat ukoll li minn testijiet mediċi jirriżulta li l-mara kienet xurbana sew.

Barraminhekk, l-espert tal-Qorti, t-tabib Mario Scerri ikkorrobora l-verżjoni tal-Libjan meta kkonferma li l-ġrieħi li kellha l-mara kienu l-istess ta’ meta persuna tkun waqgħet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Josric Mifsud u Louise Calleja filwaqt li għall-Libjan deher l-Avukat Ludvic Caruana.