Internazzjonali

Panama Papers: Il-President tal-Arġentina investigat

Iktar politiċi jispiċċaw taħt il-lenti wara l-ħruġ il-Ħadd li għadda tal-Panama Papers. Issa jmiss lill-President tal-Arġentina Mauricio Macri, li fis-sigħat li ġejjin se jidher quddiem prosekutur federali sabiex jispjega t-transazzjonijiet finanzjarji tiegħu.

Fid-dokumenti maħruġa, il-President Arġentina jissemma’ bħala direttur f’kumpanija offshore reġistrata fil-Bahamas. Il-ġurnali Arġentini jirrapportaw li Macri kien mniżżel bħala direttur tal-kumpanija Flag Trading bejn l-1998 u l-2009.

Kelliem għall-uffiċċju tal-prosekutur federali qal li l-investigazzjoni nfetħet sabiex tara jekk il-President Arġentin, b’mod malizzjuż, naqas milli jirrapporta l-involviment tiegħu f’din il-kumpanija offshore fil-Bahamas. Il-kumpanija ma kienitx imniżżla fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu fl-2007 meta nħatar sindku tal-Belt Kapitali Buenos Aires u fid-dikjarazzjoni finanzjarja tas-sena li għaddiet meta nħatar President tal-Arġentina.

Min-naħa tiegħu, f’messaġġ lill-pajjiż, il-President Macri sostna li m’għamel xejn ħażin.

RITRATT: AFP