Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri spiċċaw iċ-ċajta fuq fomm kulħadd.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Simon Busuttil meta illum kien intervistat minn Robert Cremona waqt il-programm Follow Up fuq Radio 101.
Simon Busuttil semma’ kif illum il-ġurnal The Malta Independent fl-editorjal u fl-istorja tal-faċċata qaxxar is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. “Dan kollu juri kif il-Gvern waqa’ f’livell redikolu”, sostna l-Kap tal-PN.
“Kull min jirraġuna kien qed jistenna li lbieraħ Konrad Mizzi jirriżenja. Ma jistax jgħid biss li hu inkwetat. Irid jagħmel xi ħaġa”.
Simon Busuttil qal li anke hu fl-aħħar snin ġie affaċjat b’diversi sitwazzjonijiet, iżda qatt ma qal kemm hu dispjaċut u waqaf hemm. “Dejjem ħadt id-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn”.
Sostna li Konrad Mizzi kellu jieħu d-deċiżjoni loġika, u mhux joqgħod jgħid kemm hu dispjaċut.
Simon Busuttil saħaq illi d-Deputy Leader Laburista imissu kien onorabbli biżejjed u qabad u rriżenja. “U meta ngħid jirriżenja, għandu jirriżenja minn kollox. Ma jixraqlux ikun Ministru. Ma jixraqlux ikun Deputat Mexxej Laburista. Ma jixraqlux lanqas ikollu siġġu fil-Parlament li jagħtih it-titlu ta’ Onorevoli”, sostna l-Kap tal-PN.
//= $special ?>

