Wara li fl-aħħar snin il-klabb ta’ Marsaxlokk għadda minn diversi taqlib speċjalment dak amministrattiv, jidher li x-Xlukkajri jistgħu jerġgħu jibdew jaraw id-dawl hekk kif jidher li l-klabb ta’ Marsaxlokk qiegħed jerġa’ jorganizza ruħu bl-għan li jerġa’ jkun fost l-aqwa timijiet.
Marsaxlokk F.C żvelaw il-flokk li se jilagħbu bih l-istaġun li ġej, fejn fuq il-flokk hemm is-simbolu tal-luzzu li hu sinonimu mar-raħal ta’ Marsaxlokk.
Barra minn hekk, il-klabb wasal fi ftehim ma’ Atalanta bin-Nursery tkun dik li se tieħu l-benefiċċju hekk kif ż-żewġ naħat waslu fi ftehim.
Għal dawn l-aħħar xhur, Marsaxlokk F.C kienu għaddejjin b’negozjati mat-tim tas-Serie A Atalanta Bergamo Calcio, bil-ħsieb li tinfetaħ Akkademja tal-futbol ġewwa pajjiżna, u li tkun taħt il-kappa tat-tim minn Bergamo. Il-Bergamasci huma meqjusa bħala l-aqwa Akkademja fl-Italja u fost l-aħjar fl-Ewropa.
L-Erbgħa, il-klabb Xlukkajr organizza attività biex isir il-ftuħ uffiċjali. Marsaxlokk Youth Nursery għandhom l-esklussività u biex tifel jitħarreġ ma’ Atalanta jrid ikollu l-approvazzjoni ta’ Marsaxlokk F.C.
B’dan il-proġett, Marsaxlokk se jkunu qed igawdu minn bosta benefiċċji fosthom li Atalanta se jkollhom diversi kowċis kwalifikati tul l-istaġun biex imexxu l-Akkademja, kif ukoll li l-kowċis ta’ Marsaxlokk se jkollhom taħriġ f’Malta u f’Zigonia f’Bergamo.
It-tfal tal-akkademja l-ġdida se jkollhom taħriġ fl-għawm u fil-futsal ukoll biex itejbu t-teknika u l-fiżika tagħhom. Dan il-proġett hu mistenni li jiftaħ opportunitajiet sbieħ għall-atleti Malti bl-għan li jmorru jilagħbu barra minn Malta.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti Dott. Stefano Bonaccorso li hu l-persuna responsabbli mis-settur tekniku ta’ BC Atalanta, Claudio Lucchini d-Direttur Ġenerali tal-Akkademja fl-Italja, Gaetano Farruggio d-Direttur tal-Akkademja f’Malta, s-Segretarju ta’ Marsaxlokk F.C Joseph Mifsud flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius.
//= $special ?>