L-awtoritajiet fl-Awstrija kkalkulaw li l-immigranti u r-refuġjati li qegħdin ifittxu kenn politiku u li qegħdin jaqsmu l-Mediterran lejn l-Italja kapaċi jirduppjaw, din is-sena, mill-150,000 irreġistrati fl-2015.
Iċ-ċifra potenzjali ta’ 300,000 semmietha l-Ministru għall-Intern tal-Awstrija, Johanna Mikl-Leitner, qabel laqgħa li kellha, ilbieraħ, mal-Ministru għall-Intern Taljan, Angelino Alfano.
Mikl-Leitner sostniet li l-Awstrija tista’ tieħu passi biex tagħlaq l-aċċess ta’ Brenner, fir-reġjun tal-Alpini u fiz-zona tal-fruntiera mal-Italja, f’każ li l-mewġa tal-immigranti ssir ‘inkontrollabbli’. Hi kompliet li ‘l-Italja ma tistax torbot fuq il-fatt li s-settur ta’ Brenner jibqa’ miftuħ f’każ li l-awtoritajiet ma jsibux tarf il-movimenti tal-immigranti.’
Johanna Mikl-Leitner kienet mistennija titlob informazzjoni mingħand Alfano rigward l-istatus tal-hotspots, fl-Italja, li jservu għall-identifikazzjoni u l-ipproċessar tar-refuġjati. Dan meta l-Awstrija lesta li tgħin lill-Italja f’każ ta’ bżonn, b’Mikl-Leitner issostni li l-pajjiżi li jinsabu fir-rotot għall-immigrazzjoni jridu jingħataw l-appoġġ dovut.
L-Awstrija, fi Frar, waqqfet il-kontrolli fiz-zona tal-Aċċess ta’ Brenner li taqa’ taħt is-sovranità tagħha, filwaqt li fasslet il-limitu tar-refuġjati (li qed ifittxu kenn politiku) li lesta ddaħħal, din is-sena, għal 37,500.
Tbassir li l-Italja tista’ tilqa’ ‘d-doppju tal-immigranti ’ fl-2016
