Il-Union tal-Għalliema fi stqarrija ħabbret illi l-MUT ħarġet direttiva lill-għalliema kollha tagħha sabiex ma jħossuhomx obbligati jagħtu l-marki tas-swaba’. L-għalliema lesti jikkoperaw mal-Pulizija f’investigazzjoni li qed issir wara serqa mill-iskola ta’ Bormla, iżda filwaqt li għandhom jagħtu dettalji bħall-Karta tal-Identita’ u l-grad tagħhom, ma jistgħux jiġu sfurzati jagħtu l-marki tas-swaba’.
L-MUT qed tgħid illi l-Pulizija użat attitudni arroganti u ma wettqitx investigazzjoni serja dwar din is-serqa li saret xi żmien il-vakanzi tal-Għid.
Fl-istqarrija intqal ukoll illi għalliema saqsiet lil Spettur tal-Pulizija x’jiġri jekk hi ma tagħtix il-marki tas-swaba’. Dan l-Ispettur allegatament wieġeb “Toħroġ tibki minn hawn!”
Jirriżulta li l-Pulizija imxew b’mod dilettantesk ħafna f’dan il-każ, u allura l-MUT ħarġet din id-direttiva. “Dan huwa biss bullying fuq l-għalliema”, issostni l-MUT.
Il-Union saħqet illi hi lesta tkompli tikkopera fl-investigazzjoni.
//= $special ?>

