Ilbieraħ filgħaxija, raġel allegatament waqqaf karozza u qabeż fuqha meta din kienet għaddejja minn Triq Aldo Moro.
Filwaqt li kkonfermat il-każ, li allegatament seħħ għall-ħabta tad-8.45pm, il-Pulizija qalet li r-raġel kien arrestat u qed jgħin fl-investigazzjonijiet.
Jirriżulta li r-raġel, barrani, waqqaf il-karozza li kienet qed tinstaq, tela’ fuqha u beda jaqbeż fuqha, filwaqt li xi barranin oħrajn bdew iwaddbu l-ġebel lejn il-karozza.
Fil-post, il-barrani rreżista l-arrest, filwaqt li baqa’ joffri reżistenza wkoll tul it-triq kollha sal-Għassa tal-Ħamrun. Barra minhekk, meta kien l-Għassa, hu pprova wkoll jigdem Pulizija.
F’kumment fuq Facebook, il-vittma tal-attakk qalet li waqt li kienu qed isuqu f’Aldo Moro lejn Raħal Ġdid, hi u l-għarus tagħha raw immigrant f’nofs ta’ triq u waqfu biex ma jtajruhx.
Dak il-ħin hu tela’ fuq is-saqaf tal-karozza u beda jaqbeż. Meta l-mara ħarġet mill-karozza, ipprova jattakkaha u beda jgħajjat kliem kontra Malta. Qalet li dak il-ħin persuni oħrajn bdew iwaddbulhom il-ġebel lejn il-karozza.
Il-mara qalet li ma jidhirx li l-immigranti riedu jisirquhom.
Screenshot ta’ dak li l-vittma spjegat fuq Facebook:



