•L-informazzjoni tinsab fi 11-il miljun dokument (2,6 terabyte bħala spazju fuq memorja ta’ computer) mill-kumpanija Mossack Fonseca li nkisbu mill-ġurnal Ġermaniż Suddeutsche Zeitung b’kollaborazzjoni mal-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) f’investigazzjoni li ilha sejra sena.
•Dawn kienu analizzati minn 300 ġurnalist minn 76 pajjiż. Dawn il-ġurnalisti huma miġburin taħt il-kappa tal-ICIJ.
•Dawn jikxfu l-borom fuq 140 politiku u uffiċjal pubbliku minn madwar id-dinja.
•Hemm ukoll tal-anqas 33 persuna u kumpaniji blacklisted mill-Gvern Amerikan minħabba evidenza li kienu implikati f’reati bħal negozju ma’ traffikanti tad-droga Messikani, gruppi terroristiċi bħall-Hezbollah, jew pajjiżi bħall-Korea ta’ Fuq.
•L-informazzjoni li nkixfet tkopri s-snin mill-1977 sa tmiem l-2015.
•L-informazzjoni li qed toħroġ mill-‘Panama Papers’ hi l-ikbar kixfa ta’ informazzjoni suppost sigrieta fl-istorja tad-dinja tal-finanzi u hi ikbar mill-każ tal-Wikileaks fl-2010, u meta fl-2013 kien kixef ħafna informazzjoni sigrieta Amerikana Edward Snowden.
•Din l-informazzjoni tikkonsisti f’emails, kif ukoll dokumenti varji bħal PDFs, TIFFs, (li jintużaw għal dokumenti li jkun sar scanning tagħhom, kif ukoll Word document (.doc jew .docx)
•214,000 hu n-numru ta’ kumpaniji offshore li jidhru f’dawn id-dokumenti b’rabtiet f’madwar 200 pajjiż
•Huma 14,000 il-klijenti tal-uffiċċju legali tal-Panama tal-Mossack Fonseca, li għandha uffiċini fi 42 pajjiż u 600 impjegat.
•Il-Mossack Fonseca hi kumpanija legali bbażata fil-Panama li s-servizzi tagħha jinkludu li tinkorpora kumpaniji f’ġurisdizzjonijiet offshore bħall-British Virgin Islands, u tamministra dawn il-kumpaniji għal miżata kull sena. Il-kumpanija tintuża biex tieħu ħsieb b’mod anonimu l-ġid tal-klijenti.
•Il-Mossack Fonseca hi r-raba’ l-akbar kumpanija fid-dinja li tipprovdi servizzi ta’ offshore.
•Għalkemm l-użu ta’ dawn is-servizzi jsir ukoll għal raġunijiet legali, is-sena li għaddiet waqt diskors f’Singapor, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron qal, “The corrupt, criminals and money launderers” jieħdu vantaġġ minn dawn l-istrutturi ta’ kumpaniji anonimi.
•Fost dawk implikati hemm ukoll 29 persuna li huma fil-lista ta’ biljunarji maħruġa mill-Forbes.
•Il-Mossack Fonseca kienet twaqqfet fl-1977 minn Jurgen Mossack, immigrant Ġermaniż li missieru mar ifittex ħajja ġdida fil-Panama wara li fit-Tieni Gwerra Dinjija kien serva fil-Waffen SS. Imbagħad fl-1986 kien ingħaqad mal-kumpanija Ramón Fonseca, avukat u kittieb magħruf fil-Panama, li riċentament ħadem bħala konsulent għall-President tal-Panama.
Agħfas hawn biex tidħol fis-sit tal-ICIJ tal-Panama Papers
//= $special ?>