Knisja Lokali

L-Isqfijiet jitolbu għall-għaqda

Fl-isfond tas-sitwazzjoni ta’ bħalissa f’Malta, l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech fi stqarrija sejħu lill-Insara biex “jitolbu ‘l Alla, għani fil-ħniena, jieqaf mal-poplu fiċ-ċirkustanzi attwali.” Huma talbu wkoll biex f’pajjiżna jsaltnu dejjem l-għaqda, l-għożża, il-libertà, il-verità u l-ġustizzja.

Is-sejħa tal-Isqfijiet saret l-għada li l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’ġurnal lokali uriet it-tħassib tagħha għas-sitwazzjoni f’pajjiżna. Fl-istqarrija huma taw l-appoġġ lill-President ta’ Malta għall-messaġġ tagħha.

Fil-messaġġ li kitber f’The Times of Malta ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, il-President ta’ Malta stqarret “ma nistgħux naħarbu mir-responsabbiltajiet għal gwadann politiku li jservi għal ftit żmien. “Dan ikun qed iservi biss lil ftit, u mhux lill-pajjiż tagħna.”

Għalkemm il-President ta’ Malta ma għamlet ebda referenza partikolari jew diretta, il-messaġġ tagħha kien kollu kliem ta’ tħassib għal mod kif qed tiżviluppa l-qagħda politika f’Malta. Marie Louise Coleiro Preca fil-messaġġ għamlet appell favur il-ħarsien tad-demokrazija, u biex din ma tkunx mhedda jew li tkun imdgħajjfa.

Hi wissiet biex kulħadd joqgħod attent ħalli ma tinbitx il-firda fost il-poplu Malti u Għawdxi.