“Quddiem is-sitwazzjoni tal-mistħija li pajjiżna ġie fiha minħabba li l-Ministru Mizzi u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fost oħrajn, inqabdu li kellhom kumpanija fil-Panama u nqabdu li ppruvaw jiftħu kontijiet tal-bank f’Dubai u fil-Panama, hawn ħafna li huma diżgustati u rrabjati”.
Kliem is-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista, SĦPN, li fi stqarrija qalet li meta tisma’ lil Prim Ministru jgħid li hu ddiżgustat b’li qed jiġri iġġib għajnejk wara widnejk. L-SĦPN qalet li dan ġa kien iddiżgusta ruħu u kien irrabjat bil-każi tal-Café’ Premier u ta’ Gaffarena biż-żewġ każi ikollhom il-barka minn Kastilja.
SĦPN qalet li Joseph Muscat induna li m’għamilx dak li kellu jagħmel minnufih u ġab lil pajjiżna fi kriżi, u għalhekk issa qed jipprova jiġbor ġiehu u qed jgħid kemm hu ddispajċut u rrabjat b’dak li qed jiġri. L-SĦPN qalet li tispera li Muscat mhux irrabjat u ddiżgustat għall-fatt li dawn inqabdu meta suppost ma nqabdux.
Dawk kollha li għandhom ikunu iddiżgustati u rrabjati huma dawk li afdaw it-tmexxija ta’ dan il-pajjiż f’idejn Muscat, Mizzi u Schembri tkompli tgħid l-istqarrija. Dawn jinkludu eluf ta’ ħaddiema li jaqilugħa u jikluha, ħaddiema li jaħdmu fil-qasam finanzjarju u li bħalissa qed isaqsu mistoqsijiet kbar dwar l-atteġjament ta’ ħabi u gideb sfaċċat ta’ Muscat, tal-Ministru Mizzi u ta’ Keith Schembri.
Huma żgur irrabjati dawk kollha li ppretendew tmexxija tajba ta’ dan il-pajjiż, dawk li xtaqu jgħixu f’pajjiż normali, dawk kollha li xtaqu li pajjiżna jagħmel isem pożittiv barra minn xtutna u dawk li verament u minn qalbhom xtaqu li pajjiżna jkun l-aqwa fl-Ewropa ttemm tgħid l-istqarrija. .
//= $special ?>

