Lokali

PANAMA PAPERS : Wara l-MEA u l-UĦM, is-CMTU wkoll tesprimi tħassib dwar il-ħsara li qegħda ssir lil Malta

Il-Konfederazzjoni Maltija ta’ Trade Unions, is-CMTU, fi stqarrija qalet li tinstab mħassba bil-gravita tas-sitwazzjoni preżenti f’Malta wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers li wasslu għal rabja kbira fost il-poplu u bil-konsegwenzi ta’ tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-gvern fit-teħid ta’ deċiżjonijiet importanti u meħtieġa.

Is-CMTU qalet li hija taqbel mal-UĦM Voice of the Workers u mal-Malta Employers Association meta dawn stqarrew li l-pubbliċita’ negattiva li qiegħed jirċievi l-pajjiż ser ikollha impatt fuq l-industrija tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna u tal-impjiegi. Is-CMTU fl-istqarrija qalet li saħansitra anke l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew ġew kwotati li jinstabu mħassba dwar l-impjiegi u l-industrija tas-servizzi finanzarji.

L-istess stqarrija kundannat l-attakki personali li qegħdin isiru fuq uffiċjali tal-UĦM u tal-MEA u ddeskriviet dawn l-attakki bħala thedida għad-dritt fundamentali tal-liberta’ ta’ l-espressjoni. “F’soċjeta’ demokratika matura, l-imsieħba soċjali jeġtieġ li jkunu liberi li jikkritikaw lill-gvern mingħajr ma’ jkunu ntimidati” kompliet tgħid l-istess stqarrija.

Is-CMTU ħeġġet lil gvern sabiex jaġixxi malajr u fl-iqsar żmien possibli sabiex tiġi kkontrollata l-ħsara li qegħda ssir lil pajjiżi minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers. L-istqarrija wissiet li nuqqas ta’ deċiżjoni jew aktar tkaxkir tas-saqajn isaħħaħ l-ħsara li qegħda ssir.