Qorti

“Qatt ma ridt nattakka jew inweġġa’ lil xi ħadd” – l-akkużat

“Qatt ma ridt nattakka jew inweġġa’ lil xi ħadd, ridt biss li jitilqu mill-appartament.” Sostna dan Emil Atanasov ta’ 29 sena ta’ nazzjonalita’ Bulgara fix-xhieda tiegħu fil-ġuri kontrih fejn qed jiġi akkużat li fl-10 ta’ Frar tal-2014 wettaq omiċidju volontarju fuq Krstic Dragoljub, ċittadin Serb u li darab serjament lil Serb ieħor Zoran Jocic.
Quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, l-akkużat xehed li hu ġie Malta f’Settembru tal-2011. Hu qal li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni u ġie Malta wara li ħajjru Bulgaru ieħor biex jaħdem f’Malta fejn jitħallas madwar tliet darbiet aħjar milli jitħallas fil-Bulgarija għall-istess xogħol ta’ kostruzzjoni.
Hu spjega li kien jgħix f’appartament f’Buġibba flimkien ma’ żewġt irġiel oħra bl-isem ta’ Goran u Dani u li huma mill-Maċedonja. Hu kellu l-kamra tiegħu u l-Maċedoni kellhom kamra oħra.
Fil-lejl ta’ meta seħħ id-delitt, Atanasov għamel madwar tliet siegħat fir-reception tal-aparthotel fejn kien joqgħod sabiex juża l-wi-fi hotspot u jikkomunika ma’ martu li għadha fil-Bulgarija u xi ħbieb oħra. Hu tela’ f’kamartu biex jorqod għall-ħabta ta’ nofsillejl.
Madwar kwarta wara, wieħed mill-Maċedoni, Goran, ħabbatlu mal-kamra u qallu l-lejl it-tajjeb. Qrib is-1a.m. sema l-bieb ta’ barra tal-appartament jinfetaħ f’salt u sema vuċijiet mgħollija. Hu qal li għaraf waħda mill-vuċijiet bħala dik ta’ Dani, il-Maċedonu l-ieħor, iżda ma kellux idea min kienu l-oħrajn. L-akkużat kompla li sema lil Dani u l-persuni l-oħra ikaxkru l-għamara fil-kamra tal-Maċedonu u ftit wara, Dani ħabbatlu mal-bieb u talbu għall-ispeakers.
Atanasov qallu li kien tard bil-lejl u li dan mhux ħin li ddoqq mużika għolja għaliex se jispiċċaw fl-inkwiet iżda Dani baqa’ jinsisti sakemm eventwalment tah l-ispeakers. Din kienet l-ewwel darba minn x’ħin daħlu fl-appartament li l-akkużat ħareġ mill-kamra tiegħu. Hu ħareġ l-ispeakers u reġa daħal f’kamartu.
Ftit tal-ħin wara, hu sema’ raġel jgħajjat ma’ Goran bl-Ingliż u għaraf li kien il-ġar tagħhom Glenn, li hu wkoll in-neputi tas-sid tal-appartamenti. Għal ftit ħin, huma baxxew il-mużika u bdew jitkellmu b’leħen iktar baxx, iżda mbagħad reġgħu żiedu l-istorbju. Kien hawnhekk li Glenn qata’ l-provvista’ tal-elettriku fl-appartament.
L-akkużat kompla li kien f’dan il-ħin li ħareġ mill-kamra biex jara x’ġara. Kien hawnhekk li hu sostna li safa aggredit miż-żewġ Serbi għax bdew jaħsbu li kien hu li qata’ d-dawl. Hu qal li l-vittma qabdu minn għonqu u xeħtu mal-ħajt filwaqt li s-Serb l-ieħor kien qed itih bil-ponn fuq wiċċu. Dani intervjena u ferraq lis-Serbi minn mal-akkużat.
Mistoqsi mill-avukat Malcolm Mifsud, Atanasov qal li s-Serbi dehru xurbana. Wara li donnu kkalmaw l-affarijiet, il-vittma staqsa lill-akkużat fejn hu t-toilet u meta qam biex joħroġ, flok mar fejn indikalu l-akkużat, il-vittma mar fid-direzzjoni tal-kamra tiegħu. Meta pprova jwaqqfu, il-Bulgaru ġie aggredit mill-ġdid u qal li qala daqqiet ta’ ponn u ta’ sieq kemm mill-vittma kif ukoll minn Zoran Jocic.
Atanasov irrakkonta li jrnexxielu jitkaxkar lura sa kamartu. Meta sema’ lis-Serbi se jkomplu jixorbu u jgħajjtu, minkejja li ma kienx hemm provvista’ ta’ elettriku, l-akkużat qal li qabad lieva u sikkina. Hu sostna li ma kellu ebda intenzjoni li jweġġa lil xi ħadd iżda li jbeżżagħhom sabiex jitilqu mill-appartament. Hu ħabbat il-lieva mal-bieb tal-kamra ta’ Dani u għajjat biex jitilqu ‘l barra.
Fil-pront, xi ħadd lwielu idu l-leminija u l-lieva waqgħet mal-art u l-vittma qabad lill-akkużat minn għonqu u kien donnu se jifga’. F’mument minnhom, Dragoljub reħa għonq l-akkużat u ħareġ ‘il barra.
Hu sostna li fl-ebda ħin ma xejjer daqqiet ta’ sikkina u qatt ma’ kellu intenzjoni li joqtol. Li kieku ried joqtol, ma kienx jiġbed l-attenzjoni u jsabbat il-lieva mal-bieb u jagħti daqqa lill-vittma meta kien għadu bilqiegħda u dahru lejh.
Kien dan il-ħin li ħass ħafna demm fuqu li ma setax ikun li kien mill-ġrieħi tiegħu. Hu ħareġ jittawwal u ra lil Krstic Dragoljub jaqa’ mal-art fl-indana. Hu niżel fir-reception u qal lir-receptionist biex iċempel lill-pulizija u ambulanza. Hu rema’ s-sikkina f’toqba fil-pajpijiet tal-ilma tax-xita fejn instabet mill-pulizija wara li l-akkużat infurmahom fejn remieha waqt l-interrogazzjoni fid-Depot.
Hu tenna li ma ried joqtol u jweġġa’ lil ħadd u ma xejjer ebda daqqa bis-sikkina. Il-ġuri jkompli għada meta l-Prosekuzzjoni tagħmel il-kontroeżami tal-akkużat.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-Avukat Elaine Mercieca. Il-Bulgaru hu assistit mill-Avukat Malcolm Mifsud.