Internazzjonali

AĠĠORNATA: Tkompli l-investigazzjoni b’rabta ma’ Mohamed Abrini…jitressqu l-akkużi

Fl-aħħar siegħat l-awtoritajiet Belġjani ħabbru li kienu tressqu numru ta’ akkużi kontra Mohamed Abrini u tlett persuni oħra.

Aktar kmieni…

Fil-Belġju, bħalissa, għaddejjin investigazzjonijiet dwar jekk suspettat li qed jinżamm taħt arrest hux fil-fatt il-persuna mlaqqam ir-Raġel bil-Kappell li rnexxielu jaħrab mill-ajruport ta’ Brussell meta seħħew l-isplużjonijiet tat-22 ta’ Marzu fit-terminal u l-metro tal-kapitali fejn mietu 32 persuna.

Il-konferma tal-arrest ta’ Mohamed Abrini fil-Belġju hi sinifikanti peress li dan ir-raġel qed ikun indikat bħala t-tielet terrorista fl-istraġi ta’ Brussell. It-errorist ssemma wkoll bħala l-aħħar suspettat ewlieni konness mal-attakki ta’ Novembru li t-terroristi tal-ISIS kienu wettqu fil-qalba ta’ Pariġi. L-ISIS anki assuma responsabbiltà għall-attakki ta’ jiem ilu fi Brussell, bl-awtoritajiet Belġjani, fl-aħħar sigħat, iwettqu numru ta’ arresti oħra fejn almenu raġel fosthom issemma bħala suspettat konness mal-attakki fil-kapitali Belġjana.

Hu biss issa li Mohamed Abrini qed ikun konness direttament mal-attakki fi Brussell, bl-investigaturi jikkonfermaw l-arrest tiegħu u ta’ suspettati oħra waqt konferenza tal-aħbarijiet. Dan wara li l-awtoritajiet Belġjani kienu ħarġu filmati ġodda dwar l-hekk-imsejjaħ Raġel bil-kappell, flimkien ma’ appell lill-pubbliku biex jgħin fit-tfittxija għalih.