Muscat jgħid li l-Gvern m’għandu xejn x’jaħbi jew x’iħammarlu wiċċu
F’diskors tant mistenni, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ħabbar l-ebda deċiżjoni dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri u qal li se jkompli jistenna l-investigazzjonijiet jintemmu.
Fl-aħħar ġimgħat tqajjmu dubji serji dwar l-investigazzjonijiet li qed isiru għal numru ta’ raġunijiet, fosthom il-liġijiet ta’ segretezza fil-Panama u fi New Zealand, u l-fatt li qatt ma ngħatat l-isem tal-kumpanija li qed tagħmel l-‘audit’ ta’ Konrad Mizzi.
L-aħjar jiem kienu ddominati minn spekulazzjoni kbira dwar x’passi se jieħu Joseph Muscat fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dan wara li Konrad Mizzi nqabad f’lista ta’ aktar minn 140 politiku minn madwar id-dinja li użaw il-Panama biex jaħbu jew jaħslu l-flus.
Jumejn ilu, Konrad Mizzi qal lid-delegati Laburisti li hu lest li joqgħod għal kull deċiżjoni li jieħu l-Prim Ministru.
Fid-diskors tiegħu, li bih qed jagħlaq il-Konferenza Ġenerali Laburista, Joseph Muscat tkellem dwar il-korruzzjoni fejn qal li soċjetà mifnija bil-korruzzjoni ma tistax iġġib ir-riżultati għal pajjiż. Qal ukoll li l-korruzzjoni hija bil-maqlub ta’ dak li jemmen fih il-Gvern Laburista.
Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern m’għandu xejn x’jaħbi jew xi jħammarlu wiċċu, tant li qal li l-Gvern se jkun qed jippubblika l-kuntratti kollha ta’ dan il-Gvern. “Anke l-kuntratti fil-qasam tal-Enerġija u s-Saħħa” żied Muscat, f’indikazzjoni li l-kuntratti li għaddew minn taħt idejn Konrad Mizzi huma dubjużi.
//= $special ?>