Lokali

FILMAT: “F’ġieħ is-sewwa, itlaq ‘il barra!” – Simon Busuttil

“F’ġieħ is-sewwa, f’ġieħ l-interess nazzjonali, f’ġieħ il-ġurament ta’ lealtà li ħadt lejn il-Kostituzzjoni, issa tlift l-awtorità morali li tmexxina. Mela itlaq ’il barra biex ma tibqax issir aktar ħsara.”, dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’messaġġ indirizzat lill-Prim Ministru fid-dimostrazzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni li ġiet indirizza lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin, fil-Pjazza ta’ Kastilja fuq l-għatba tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-media internazzjonali qed issegwi dak kollu li qed isir f’pajjiżna. Il-messaġġ tal-poplu Malti u Għawdxi hu kontra l-korruzzjoni. “Tiġġudikawx lil Malta b’Joseph Muscat. Jekk qed jagħlqu għajnejhom għall-korruzzjoni, dan mhux qed jagħmluh f’isimna” enfasizza Simon Busuttil. “Il-poplu Malti għandu valuri sodi li jagħmluh Ewropew: il-valuri tal-onestà, tal-verità, tal-indafa politika, tal-libertà, tat-tolleranza, tat-trasparenza u tar-responsabbiltà. Dawn huma l-valuri Maltin u Ewropej tagħna. Mhux ta’ b’xejn Joseph Muscat kien kontra l-Ewropa għax ma jemminx f’dawn il-valuri,” qal Simon Busuttil.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li wieġbu għas-sejħa nazzjonali biex isemmgħu leħinhom, Simon Busuttil qal li llum il-poplu jinsab inkwetat. “Sfortunatament pajjiżna daħal fi sqaq mudlam ta’ korruzzjoni, ta’ diskriminazzjoni, ta’ abbużi ta’ poter u ta’ attakki fuq kull min jazzarda jgħid li ma jaqbilx mal-Gvern. Il-pajjiż daħal fi sqaq ta’ inċertezza, ta’ instabbiltà u kulma jmur qed jitlef l-isem tajjeb li kellu.”

Simon Busuttil qal li pajjiżna qed jogħtor taħt skandlu wara ieħor, skandli li ilhom għaddejjin tliet snin. L-aħħar skandlu ta’ korruzzjoni ħasad lil kulħadd għaliex imiss direttament il-qalba ta’ Kastilja. Imma fil-verità l-agħar skandli li kien hawn fl-aħħar tliet snin kellhom kollha ħolqa komuni – Joseph Muscat.

Simon Busuttil fakkar pass wara pass il-mod kif żviluppa s’issa l-iskandlu tal-kumpaniji fil-Panama u elenka l-fatti li nafu s’issa, fatti li l-ebda audit fażull ma jista’ jbiddel. Simon Busuttil fakkar ukoll li n-nies involuti f’dan l-iskandu mhumiex nies kwalunkwe imma huma l-aktar tnejn min-nies qrib il-Prim Ministru. Dawn huma nies maħtura direttament mill-Prim Ministru, b’uffiċċju f’Kastilja mal-Prim Ministru, nies li minn taħthom jgħaddu l-aktar deċiżjonijiet importanti tal-gvern, u nies li nnegozjaw kuntratti importanti fl-aħħar tliet snin li l-ebda wieħed minnhom ma ġie ppubblikat.

“Għalhekk din m’għadhiex kwistjoni ta’ tkeċċija ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri imma llum hi kwistjoni ta’ fiduċja fil-Prim Ministru nnifsu. Simon Busuttil qal li minn issa ’l quddiem, negozjant Malti jew barrani ma jistax jiltaqa’ mal-Prim Ministru u ma jissuspettax jew ma tidħollux f’moħħu li jrid iħallas senserija li xi ħadd jew li jrid juża konsulent finanzjarju ta’ xi ħadd.

Filwaqt li appella b’enfasi qawwija lill-Prim Ministru biex jitlaq ’il barra, Simon Busuttil qal li hu għalhekk li l-Oppożizzjoni ppreżentat mozzjoni ta’ sfiduċja mhux biss kontra Konrad Mizzi imma kontra l-Gvern ta’ Muscat. Il-mozzjoni tressqet biex l-Oppożizzjoni turi li fil-Parlament Malti hemm min hu lest jitkellem. Dan ma jfissirx li l-Oppożizzjoni trid elezzjoni. Il-Partit Laburista għandu maġġoranza fil-Parlament u jista’ jkompli jiggverna. Baqa’ sentejn u f’ġieħ is-sewwa u l-interess nazzjonali, għandu jintgħażel mexxej ieħor mhux imċappas kif hu mċappas Joseph Muscat.

Simon Busuttil qal li hu jrid jagħti t-tama li flimkien mal-poplu kollu, lill-pajjiż kapaċi noħorġuh mill-isqaq li daħal fih. “Għandi fiduċja li flimkien se negħelbu l-isfida u nerġgħu nirbħu n-normalità, it-trankwillità u l-istabbiltà. Qegħdin fuq in-naħa tas-sewwa. Fir-raġuni hemm il-forza. Fil-għaqda hemm is-saħħa. Allura jien ċert li pajjiżna se jerġa’ joħroġ rebbieħ,” temm jgħid Simon Busuttil.

Minbarra d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, indirizzaw il-folla wkoll l-avukat Karl Grech , l-osservatur indipendenti Arthur Galea Salomone, u d-Deputat indipedenti Marlene Farrugia; fejn kollha insistew li dan il-Gvern irid iwarrab.