Id-dimostrazzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni quddiem Kastilja mhux biss kienet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, iżda tkellmu wkoll min-numru ta’ kelliema.
Fost il-kelliema, id-deputat indipendenti Marlene Farrugia sostniet li l-korruzzjoni għandha l-wiċċ, wiċċ dak il-batut li jsofri l-kanċer imma jrid imur jittallab, il-warden li sfurzat jagħti ċ-ċitazzjonijiet biex jaqla x’jiekol, jew dak li jqum kmieni biex jaqla xi ħaġa għall-familja, iħallas it-taxxi imbagħad dawn forsi jmorru f’postijiet sigrieti, bħall-kontijiet fil-Panama.
Id-deputat indipendenti Marlene appellat lil Muscat biex jieħu azzjoni.
Marlene Farrugia qalet li mhux ġustifikazzjoni li wieħed iħares lejn il-passat, għaliex min żbalja fil-passat, issa ħa r-risposta tal-elettorat.
Sostniet li l-Prim Ministru lanqas jista’ jibqa’ jiskuża dak li qed jiġri. Ejja nibqaw hekk, meta pajjiżna jsejħilna, ngħidulu hawn jien, qalet Marlene Farrugia, filwaqt li ħeġġet lill-poplu jibqa’ jiddefendi lil pajjiżu minn min qed jagħmillu l-ħsara.
Id-demokrazija mhix ostaġġ ta’ tlieta minn nies, qal l-avukat Karl Grech, li fakkar li kuntrarju għalina, pajjiżi oħra rrispondew għad-dimostrazzjonijiet tan-nies u l-politiċi bdew isofru r-riperkussjonijiet. Imma f’Malta għall-gvern ta’ Muscat qisu mhu jiġri xejn, minkejja li qed insiru nafu l-affarijiet mill-midja ta’ pajjiżi oħra.
Karl Grech qal li s-skiet itarrax qed iwassal għal iżjed mistoqsijiet, iżjed dubji. Imma issa spiċċa ż-żmien li l-Prim Ministru jgħajjat li Malta tagħna lkoll, għaliex lanqas biss qed jagħti każ l-esponenti Laburisti stess li qed iwissuh bir-riperkussjonijiet tal-iskandlu tal-Panama.
L-avukat Arthur Galea Salomone tkellem dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u s-serjeta’ li Malta gawdiet minnha fl-aħħar snin, affarijiet li nbnew ġebla ġebla sakemm is-setturi ta’ pajjiżna, fuq kollox dak finanzjarju saru l-għira tal-pajjiżi l-oħra illum il-ġurnata qed jinħattu mill-abbuż u l-każi ta’ korruzzjoni tal-Gvern ta’Joseph Muscat.
Imma esprima d-diżappunt tiegħu li dak li bnejna matul is-snin issa qed jikkrolla taħt ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. Fid-dawl ta’ dan il-Prim Ministru jibqa’ jipprova jirbaħ il-ħin mingħajr ma jieħu azzjoni.
Pajjiżna qed jistenna mġieba etika, korretta, trasparenti u lil hinn minn kull suspett, appella Arthur Galea Salomone lill-awtoritajiet b’rispett lejn il-poplu Malti u Għawdxi. Jekk le, pajjiżna qed ikompli jżid ir-riskju li jipperikola l-post tax-xogħol ta’ eluf ta’ Maltin.
//= $special ?>

