Lokali

Segwi: Id-Dimostrazzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni

Id-Dimostrazzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni live minn Pjazza Kastilja, pjazza mimlija b’eluf ta’ nies li jridu jwasslu messaġġ lill-Gvern Malti – il-messaġġ ta’ Politika Onesta. Indirizzaw il-folla Karl Grech, Arthur Galea Salomone, Marlene Farrugia u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Segwi l-live updates mill-Belt Valletta hawnhekk:

17:57 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jirringrazzja lil folla preżenti fi Pjazza Kastilja, u itemm id-diskors tiegħu fid-Dimostrazzjoni Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni. Il-folla tinfexx f’għajjat ta’ kuraġġ f’din il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Mument ta’ kuraġġ li juri kif il-poplu Malti qiegħed jagħti sostenn lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

17:56 – “IIlum, l-kotra reġgħet qamet f’daqqa u għajtet ‘Jien Maltija! Miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija.’, U jiżbalja min ma jismax l-għajta tal-kotra.” – Simon Busuttil

17:56 – “Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzjakhom talli llum weġibtu għas-sejħa li qed jagħmlilkom il-pajjiż. Grazzi talli tajtu vuċi lill-poplu Malti u urejtu li aħna rridu ngħixu f’pajjiż ċivilizzat, pajjiż tal-ewwel dinja mhux pajjiż tat-tielet dinja.” – Simon Busuttil

17: 55 – “Fuq kollox aħna kburin li aħna Maltin. Aħna poplu kburi u ma rridu lil ħadd jgħaddina biż-żmien, iżeblaħna, jonqosna mir-rispett. Aħna rridu isem pajjiżna stmat mad-dinja kollha.” – Simon Busuttil

17:54 – “Aħna għandna valuri sodi li jagħmluna Maltin u Ewropej. Il-valuri tal-onesta, tal-verita, tal-indafa politika, tal-liberta’, tat-tolleranza, tat-trasparenza, tar-responsabbilta.” – Simon Busuttil

17:53 – “Illum qed issegwuna l-media internazzjonali. U l-messaġġ tagħna huwa li l-poplu Malti u Għawdxi huwa kontra l-korruzzjoni. Tiġġudikawx lil Malta b’Joseph Muscat. Jekk dawn qed jagħlqu għajnejhom għall-korruzzjoni dan mhux qed jagħmluh f’isimna.” – Simon Busuttil

17:48 – “Huwa għalhekk li din mgħadhiex biss kwistjoni ta’ tkeċċija ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri imma llum hija kwistjoni ta’ fiduċja fil-Prim Ministru nnifsu.” – Simon Busuttil

17:44 – Immaġinaw tmorru d-dar u ssibu ħalliel ma wiċċkom; taqbduh fil-fatt iqalleb l-affarijiet. U jiġi l-Prim Ministru u jgħidlek, “le ta, ma narx problema, dak mhux ħalliel, ma kien għadu seraq xejn, dak kemm daħal jagħmel standard enquiry d-dar tiegħek – “ B’min jaħseb li qiegħed jitmejjel il-Prim Ministru?” – Simon Busuttil

17:38 – Simon Busuttil isemmi numru ta’ fatti li jorbtu mal-iskandlu tal-Panama Papers f’pajjiżna:
“Fatt Numru 1: Nafu li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama meta kienu diġa fil-poter, l-uniku Ministru f’pajjiż tal-UE;
Fatt Numru 2: Nafu li pruvaw jiftħu kont il-bank fid-Dubaj u li dan ma nfetaħx mhux għax ma pruvawx, imma għax ma kkonvinċewx lill-bank li l-flus mhux ġejjin mill-korruzzjoni;
Fatt Numru 3: Nafu li fil-kont il-bank riedu jpoġġu flus ġejjin mis-senserija; ħalli nagħmilha ċara – meta tkun Ministru, meta tkun Kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, ma tistax iddaħħal senserija jekk mhux b’korruzzjoni; mela hekk sew, għandna Prim Ministru jiftaħar li hu salesman, u Keith Schembri u Konrad Mizzi jiftaħru li huma sensara; wieħed ibiegħ u t-tnejn l-oħra jdaħħlu s-senserija;
Fatt Numru 4: La darba riedu jiftħu kont il-bank sinjal li hemm il-flus. Għax ħadd ma jiftaħ kont biex iħallih vojt. U allura l-mistoqsija tqum waħedha: fejn huma l-flus li riedu jpoġġu id-Dubai?
Fatt Numru 5: Illum sirna naf li fil-Panama mhux żewġ kumpaniji nfetħu imma tlieta u allura l-mistoqsija waħedha tiġi. Prim Ministru ta’ min hi t-tielet kumpanija?
Fatt Numru 6: Illum sirna nafu wkoll li dawn bdew il-proċess biex jiftħu kumpanija fil-Panama ħamest ijiem wara l-elezzjoni u ġurnata wara li Konrad Mizzi ħa l-ġurament tal-ħatra – Maħmuġin! L-unika Roadmap li kellhom kienet li jmorru l-Panama! Qabel l-elezzjoni kienu qalu we will hit the ground running – u eżatt hekk għamlu, telqu jiġru lejn il-Panama.” – Simon Busuttil

17:37 – “Sfortunatament, pajjiżna daħal fi sqaq. Fi sqaq mudlam ta’ korruzzjoni, ta’ preferenzi, ta’ diskriminazzjoni, ta’ abbuż ta’ poter u ta’ attakki fuq kull min jazzarda jgħid li ma jaqbilx mal-Gvern.” – Simon Busuttil

17:36 – “Illum erġajna qegħdin hawn mhux bħala Nazzjonalisti, mhux bħala Laburisti, imma bħala Maltin.” – Simon Busuttil

17:34 – Jibda d-diskors l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simnon Busuttil.

17:34 – Jindaqq l-Innu Malti fi Pjazza Kastilja hekk kif jaqa’ kwiet bi twrija ta’ rispett għan-nazzjon.

17:32 – Marlene Farrugia ttemm id-diskors tagħha, u l-folla tinfexx f’għajta sħiħa hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jitla’ fuq l-istage biex jagħmel id-diskors tiegħu.

17:30 – “Meta pajjiżna jseħilna irridu nirrispodnu b’hawn jien! Hawn jien lesta għall-pajjiżi – u hekk qegħdin nagħmlu llum f’din id-dimostrazzjoni għall-ġid ta’ pajjiżna” – Marlene Farrugia

17:28 – “Il-ġar tiegħi ħa tmur tipprotesta man-Nazzjonalisti, dawk korrotti? Jien għedtlu ħabib tiegħi, l-Partit Laburista neħħejnihom mill-Gvern biex jogħqodu fl-Oppożizzjoni. Issa huwa xogħolhom li jkunu Oppożizzjoni kostruttiva” – Marlene Farrugia

17:25 – Arthur Galea Salomone itemm id-diskors tiegħu, u tibda d-diskors tagħa Marlene Farrugia.

17:24
-“Nappella lil politiċi biex niġbdu ħabel wieħed, il-politiċi taż-żewġ naħat. Warrbu l-interess personali u ħarsu lejn l-interess nazzjonali” – Arthur Galea Salomone

17:22 – “L-irġulija ma titkejjilx bl-audit, il-kejl mhux sraqt jew ma sraqtx, jew inqbadt jew ma nqbadtx. Mill-politiċi nistennew ferm aktar milli biss l-ħarsien tal-liġi. Nistennew irġulija, integrita’, u eżempju. Imġiebda etika u trasparenti, lil’hinn minn kull suġġett.” – Arthurt Galea Salomone

17:20 – “Hemm bżonn li Malta titbiegħed minn din l-isħaba sewda, u terġa tibda tgawdi r-reputazzjoni li kellha fis-settur finanzjarju. Hemm bżonn li ttieħed azzjoni u mhux bil-kliem biss. Ma tagħmilx sens li f’nifs wieħed tgħid li hemm bżonn li nkunu trasparenti, imbagħad fl-istess nifs tiddefendi lil min fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.” Arthur Galea Salomone

17:18 – Itemm id-diskors tiegħu Karl Grech, u jibda jindirizza d-dimostrazzjoni Arthur Galea Salamone.

17:16 – “Dan l-iskandlu huwa riskju serju fuq l-għejxien ta’ eluf ta’ Maltin, minħabba li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi mtebba’, partikolarment fis-settur finanzjarju li miegħu jiġbed diversi industriji” – Karl Grech

17:12 – “F’pajjiżi fejn id-demokrazzija ma hijiex ostaġġ ta tliet minn nies, qegħdin naraw movimenti tan-nies tal-pajjiżi involuti bħall-Iżlanda u l-Ingilterra, biex iwarbu lil min ma huwiex imexxi ġustament b’mod trasparenti u b’involviment fil-korruzjoni” – Karl Grech

17:10 – “Kellna niġu hawnhekk għax l-isitutzzjonijiet ta’ pajjiżna, li huma s-sisien tad-demokrazija, illum jinsabu mhedda. Qegħdin nistennew lill-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu azzjoni.” – Karl Grech

17:09 – Karl Grech jibda d-diskors tiegħu fi Pjazza Kastilja.

17:05 – Waqt li Simon Busuttil għadu fi triqtu lejn l-istage, in-nies preżenti jinfexxu f’għajta waħda: “Barra, Barra, Barra”. Din l-għajta hi referenza ċara ta’ appoġġ għall-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern Laburista mressqa l-Parlament, wara l-iskandlu ta’ Panama Papers li hemm żewġ uffiċjali għolja li huma involuti fejn għandhom kumpaniji sigrieti u li ġibdu mhux biss l-attenzjoni tal-media Maltija, imma anke l-lenti tal-media internazzjonali.

17:02 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil milquh mill-folla preżenti b’entużjażmu kbir.

16:42 – Eluf ta’ nies inġabru fi Pjazza Kastilja, bil-bnadar ta’ Malti jperpru bħala sinjal ta’ Malta magħquda fi ġlieda kontra l-korruzzjoni. In-nies preżenti warrbu l-fehmiet politiċi tagħhom u ingħaqdu flimkien biex juru r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom dwar l-aħħar skandlu mondjali ta’ Panama Papers, u kif isem pajjiżna ġie mtebba’ mad-dinja kollha.