Lokali

“Maħmuġin” : Simon Busuttil dwar li l-kumpaniji sigrieti fil-Panama bdew jinfetħu l-għada tal-ħatra tal-Gvern

“Il-kumpaniji sigrieti tal-Panama bdew jinfetħu għall-uffiċjali għolja tal-Partit Laburista ħamest ijiem biss wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. Iġifieri ħamest ijiem wara li Konrad Mizzi u Keith Schembri ħadu l-poter, dawn fetħu l-kumpaniji sigrieti tagħhom. Maħmuġin!” – kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza laqgħa tad-djalogu f’Birkirkara qabel id-Dimostrazzjoni tal-lum wara nofsinhar.

Simon Busuttil qal dan wara li l-portal tal-aħbarijiet The Australian Financial Review żvelat artiklu li fih ingħad li kumpanija Maltija fetħet il-kumpaniji għall-uffiċjali għolja fil-Partit Laburista, f’qasir żmien minn mindu ħadu l-poter.

Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil irikonoxxa wkoll li hemm partitarji Laburisti ġenwini li għandhom għafsa ta’ qalb, u li wkoll tilfu l-fiduċja tagħhom f’Joseph Muscat għax minflok qed iħares lejn l-interess nazzjonali, qed iħares l-interess tiegħu u tan-nies viċin tiegħu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita kompla, billi ta messaġġ lill-persuni floaters. Qal li hu importanti li l-poplu Malti ma jitlifx il-fiduċja fil-politika Maltija, għax inkella min tridu jiggverna dan il-pajjiż u jmexxih il-quddiem. Ma jistax ikun li l-persuni li qegħdin jigdbu u jħawddu bejniethom jibqgħu imexxu dan il-pajjiż.

Dwar id-dimostrazzjoni nazzjonali li se ssir illum fl-4:30pm quddiem Kastilja, Simon Busuttil ħeġġeġ lin-nies preżenti li hu importanti li l-poplu jsemma leħnu’ u juri min hu kontra l-korruzzjoni fid-dimostrazzjoni nazzjonali, u li din il-ġlieda kontra l-korruzzjoni mhux biss ġejja mill-Partit Nazzjonalista – iżda mill-poplu Malti kollu.