Lokali

PANAMA PAPERS: Il-kumpaniji sigrieti fil-Panama bdew jinfetħu 5 ijiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali

Mal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schemri, infetħet “it-tielet kumpanija”

Il-kumpaniji sigrieti ta’ fil-Panama bdew jinfetħu 5 ijiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Dan kien żvelat mill-‘Australian Financial Review’, l-istess gazzetta li ftit tal-jiem ilu rrappurtat li Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jiftħu kontijiet bankarji f’Dubaj.

Id-dokumenti żvelati fl-iskandlu tal-Panama Papers juru kif kollox beda fl-14 ta’ Marzu 2013, jiġifieri ħamest ijiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Kampanja elettorali li kellha l-involviment qawwi ta’ Keith Schembri, li ntgħażel minn Joseph Muscat biex ikun iċ-Chief of Staff fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Fl-14 ta’ Marzu 2013, intbgħatet e-mail lil Mossack Fonseca. L-email intbgħatet minn Karl Cini, sieħeb fil-kumpanija Nexia BT, li s-sid tagħha huwa Brian Tonna. Fil-21 ta’ Marzu, Karl Cini jibgħat it-tieni e-mail li fiha jikteb “Meta tkun tista’, jekk jogħġbok, ibgħatli dettalji biex titwaqqaf kumpanija fil-Panama, u possibilment ‘trust’”.

“Is-sid tal-kumpanija fil-Panama se jkun individwu li dwaru se nkellem lil Luis fuq Skype biex nagħtih aktar dettalji,” kiteb Karl Cini.

Nexia BT, li Karl Cini kien qed jikteb f’isimha, kienet il-kumpanija li għaddiet lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri għal għand Mossack Fonseca biex jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama.

‘The Australian Financial Review’ kompliet tirraporta li aktar tard, kien fit-8 ta’ Awissu 2013 twaqqfet il-kumpanija ‘Hearnville Inc’ ta’ Konrad Mizzi, il-kumpanija ‘Tillgate Inc’ ta’ Konrad Mizzi u t-tielet kumpanija ‘Egrant’ li dwarha ma kienx hemm dettalji tas-sid.

Ir-rapport ikompli jgħid li dawn il-kumpaniji baqgħu fi stat mhux attiv sakemm Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu t-‘trusts’ fi New Zealand.