Lokali

PANAMA PAPERS: Mossack Fonseca kienet tieħu ħsieb il-finanzi tal-Gasol; Konrad Mizzi trasferixxa l-kumpanija sigrieta fit-‘trust’ meta l-Gasol biegħet l-ishma lill-konsorzju tal-Power Station

Il-kobba tkompli titħabbel hekk kif il-ġurnal The Malta Independent on Sunday żvelat li l-kumpanija Mossack Fonseca kienet tieħu ħsieb ukoll il-finanzi tal-kumpanija Gasol u s-sid tal-Gasol (l-African Gas Development Corporation Limited).

Mossack Fonseca hija wkoll li l-istess kumpanija fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers kif ukoll il-kumpanija li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, użaw biex fetħu l-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.

Dan kollu jkompli jiżviluppa fuq dak li ġie żvelat ġimgħatejn ilu: jiġifieri li l-Ministru Konrad Mizzi trasferixxa l-kumpanija sigrieta tal-Panama għal ġot-‘trust’ fi New Zealand fl-istess jum li l-Gasol biegħet is-sehem tagħha fil-konsorzju Electrogas għal (skont The Malta Independent) ‘miljuni ta’ ewro’. Il-konsorzju Electrogas kien intgħażel mill-Gvern ta’ Muscat biex jibni l-Power Station tal-gass.

Aktar dwar Mossack Fonseca

Mossack Fonseca, li fetħet il-kumpanija sigrieta (jew ‘offshore shell company’) ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama, hi l-istess kumpanija li ħadet ħsieb il-finanzi tal-Gasol.

F’Mejju tal-2013, jiġifieri xahrejn wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali, Mossack Fonseca fetħet il-bibien tal-uffiċju tagħha f’Malta. Il-kumpanija ta’ Mossack Fonseca f’Malta hija kkontrollata minn ‘BT International’, li s-sid tagħha hi ‘Nexia BT’, li s-sid ta’ Nexia BT huwa Brian Tonna.

Nexia BT hi l-istess kumpanija li tat il-‘parir’ lil Konrad Mizzi u lil Kieth Schembri biex jiftħu l-istrutturi finanzjarji tagħhom barra minn Malta. L-istrutturi jinkludu ‘trust’ ġo New Zealand (fejn is-sid tal-assi ġot-trust ma jibqax jidher Konrad Mizzi jew Keith Schembri), kumpanija sigrieta fil-Panama (li aktar tard ġiet trasferita għal ġot-trust) kif ukoll kont bankarju sigriet f’Dubaj (li Konrad Mizzi u Keith Schembri ma rnexxielhomx jiftħu peress li m’għaddew mid-‘due diligence’).

Independent

Il-fatti żvelati s’issa b’mod aktar sempliċi

– Il-Gasol kienet parti mill-konsorzju li l-Gvern għażel biex jibni l-Power Station tal-gass (il-konsorzju Electrogas).

– Mossack Fonseca ħadet ħsieb il-finanzi tal-Gasol.

– Mossack Fonseca ħadet ħsieb ukoll it-twaqqif tal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.

– Fit-22 ta’ Ġunju 2015, il-Gasol biegħet is-sehem tagħha fil-konsorzju Electrogas għal miljuni ta’ ewro.

– Fl-istess ġurnata, Konrad Mizzi trasferixxa l-kumpanija sigrieta tal-Panama għal ġot-‘trust’ fi New Zealand.