Lokali

It-talba għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama saret minn persuna li llum tpoġġa fuq il-bord tal-inkjesta dwar il-konkrit ta’ Mater Dei

Il-persuna li kien bagħat l-ewwel e-mails lil Mossack Fonseca biex tiftaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama, Karl Cini, huwa l-istess persuna li l-Ministru Konrad Mizzi poġġa fuq il-bord tal-inkjesta dwar il-konkrit tal-isptar Mater Dei.

Żvela dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’diskors f’Birkirkara, ftit wara li ‘The Australian Financial Review’ żvelat li l-kumpaniji sigrieti fil-Panama bdew jinfetħu ħamest ijiem biss wara li l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali.

Aqra iktar hawn: Il-kumpaniji sigrieti fil-Panama bdew jinfetħu 5 ijiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali

‘The Australian Financial Review’ fl-aħħar sigħat żvelat li Karl Cini, f’isem il-kumpanija Nexia BT, bagħat żewġ e-mails f’Marzu tal-2013 li fihom talab lil Mossack Fonseca tagħtih informazzjoni dwar kif għandhom jitwaqqfu kumpaniji ġol-Panama u ‘trusts’ fi New Zealand.

Dan wassal biex dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-inkjesta li qed jagħmel Konrad Mizzi dwar Mater Dei hija waħda fażulla, u żied li l-ebda ftehim jew deċiżjoni li jieħu Kornad Mizzi ma tista’ titwemmen bħala kredibbli.