Lokali Parlament

Il-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Gvern ta’ Muscat se tkun diskussa t-Tnejn li ġej

Ritratt mill-arkivji

Il-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Gvern ta’ Muscat li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni l-Ħamis li għadda, se tkun diskussa nhar it-Tnejn li ġej f’seduta li tibda fid-9am u tibqa’ għaddejja sal-10pm, bil-vot jittieħed fi tmiem id-dibattitu.

Dan il-ftehim intlaħaq fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li ltaqa’ llejla. Il-ftehim intlaħaq wara li l-Kumitat kien sospiż darbtejn biex ikun hemm konsultazzjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni wara li l-Gvern baqa’ jinsisti u ma riedx jiċċaqlaq mill-pożizzjoni li d-dibattitu jibda u jispiċċa f’seduta waħda ta’ ġurnata. Il-gvern kien qed jinsisti li l-mozzjoni tiġi diskussa nhar il-Ġimgħa, bil-ftehim li ntlaħaq kien li s-seduta twila ssir it-Tnejn li ġej.

Il-Gvern m’aċċettax li minħabba li l-Prim Ministru jinsab imsiefer u mhux se jkun Malta sal-Erbgħa li ġej, il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat issir fuq tlett ijiem f’seduti li jiltaqgħu filgħodu bejn nhar it-Tnejn u l-Erbgħa li ġej.

Dan għax tifhem l-impenji tal-Prim Ministru barra minn Malta u biex ma jkunx imfixkel ix-xogħol parlamentari tal-Gvern li jkun jista’ jibqa’ għaddej u jsir kif hi l-proċedura fis-seduti ta’ filgħaxija.

HBC-mozzjoni

Il-Gvern baqa’ jinsisti li l-mozzjoni tiġi diskussa f’ġurnata waħda
Min-naħa tiegħu, il-Gvern baqa’ jinsisti li l-mozzjoni ta’ sfiduċja tiġi diskussa f’seduta waħda nhar il-Ġimgħa, li tibda fid-9am u tibqa’ sejra sakemm jitkellem kull minn irid jipparteċipa fid-dibattitu.

Il-Gvern lanqas ma laqa’ s-suġġeriment tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco li staqsa jekk il-Gvern hux lest jikkunsidra li d-dibattitu jibda nhar il-Ġimgħa filgħodu f’seduta normali li tista’ titwal sa erba’ sigħat, u d-dibattitu jkompli jew it-Tnejn u t-Tlieta, jew it-Tlieta u l-Erbgħa, jew l-Erbgħa u l-Ħamis, bid-dibattitu jibqa’ fuq tliet seduti skont l-esiġenzi tas-safar tal-Gvern.

Wara li l-laqgħa ġiet sospiża darbtejn, il-membri tal-Gvern baqgħu jinsistu li d-dibattitu jsir f’ġurnata waħda.

Bil-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia jissuġerixxa li l-mozzjoni tibda nhar l-Erbgħa f’seduta itwal mis-soltu, u tkompli l-Ġimgħa f’seduta itwal mis-soltu, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ssuġġerixxiet li l-mozzjoni tiġi diskussa flok il-Ġimġħa, it-Tnejn, bid-dibattitu jibqa’ f’seduta waħda. Dan minkejja li l-Whip tal-Gvern u l-Ministru Carmelo Abela baqgħu jsostnu li minħabba x-xogħol li għandu l-Gvern, anke minħabba s-safar li għandu l-Gvern il-ġimgħa d-dieħla, l-uniku ġurnata disponibbli hi nhar il-Ġimgħa li ġej.

Mario de Marco qal li l-aħħar mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern fl-2012, li ħadet erba’ seduti, il-Gvern kellu l-istess impenji ta’ safar kif għandu dan il-Gvern, u kienet diskussa mit-Tnejn sal-Ħamis.

Wara li ntlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq il-ġurnata tat-Tnejn li ġej, il-Ministru Carmelo Abela baqa’ jinsisti li d-dibattitu kellu jsir fil-ġurnata tal-Ġimgħa, u qal li l-Gvern jinsab lejlet il-Presidenza tal-UE, bil-Viċi Kap tal-PN isostni li l-Oppożizzjoni tifhem l-esiġenzi tal-Gvern, u tifhem l-impenji Ewropej għaliex il-PN ħadem favur l-Unjoni Ewropej. Kien għalhekk ukoll li l-Oppożizzjoni ressqet ukoll diversi suġġerimenti biex il-mozzjoni tiġi diskussa kemm jista’ jkun malajr fid-dawl ukoll tal-impenji tal-Gvern.

Fi tmiem il-laqgħa, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rringrazzja lill-Gvern u l-Oppożizzjoni tal-ftehim milħuq.

Matul il-laqgħa, il-Whip tal-Oppożizzjoni, David Agius, ippropona li d-Deputat Nazzjonalista ġdid, Karl Gouder, jirrappreżenta lill-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat Parlamentari dwar Valletta 2018. Karl Gouder hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kultura.