Lokali

Il-kontroversja tal-billboards: Il-Qorti tilqa’ Mandat ta’ Inibizzjoni mill-PN

Billboard tal-Partit Nazzjonalista - Ritratt mill-Arkivji

Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu ppreżenta Mandat ta’ Inibizzjoni kontra Transport Malta u kontra l-Awtorità tal-Ippjanar, li bis-saħħa ta’ Avviż Legali li ħareġ il-Gvern kienu qed jippruvaw ineħħu l-billboards politiċi mit-toroq.

Dan il-Mandat ta’ Inibizzjoni ntlaqa’ parzjalment mill-Qorti sakemm tittieħed deċiżjoni finali aktar tard dan ix-xahar.

Dan ħabbru l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn kien akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Karol Aquilina.

Beppe Fenech Adami qal li l-Avviż Legali juri biċ-ċar li l-Gvern sar theddida għad-demokrazija, għalkemm insista li l-Partit Nazzjonalista mhu se jippermetti lil ħadd jipprova jagħlaqlu ħalqu.

Il-Mandat ta’ Inibizzjoni ġie ppreżentat mill-Avukati Jason Azzopardi u Karol Aquilina, li min-naħa tiegħu spjega li fl-aħħar tliet snin konna kontinwament esposti għall-kampanja tal-Gvern Laburista b’diversi billboards fit-toroq.

Iżda kien biss issa, eżatt malli ħarġu l-ewwel billboards tal-PN, li l-Gvern ħolom b’dan l-Avviż Legali. Karol Aquilina saħaq li l-Avviż Legali mhu xejn għajr sarima ma’ ħalq il-Partit Nazzjonalista.