Ewropa Lokali

L-MŻPN jibgħat ittra lill-Parlament Ewropew dwar l-kriżi politika ta’ Malta

Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista bagħat ittra lill-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi politika li Malta qegħda taffaċċja dwar l-iskandlu Panama Papers, li fl-ittra stess ġie spjegat l-inkwiet li l-poplu Malti għaddej minnu.

F’din l-ittra hemm referenza ċara li dan il-każ li ħammeġ lil Malta kien minħabba l-involviment tal-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa u d-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi, u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fejn it-tnejn li huma ġie żvelat mill-media li huma fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama u trusts fin-New Zealand u l-British Virgin Islands. Ġie innutat ukoll li li r-rieda li jibdew jinfetħu dawn il-kumpaniji sigrieti kien biss wara ħamest ijiem minn meta dan il-Gvern rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013, apparti l-attentati li saru biex jinfetġu kontijiet f’Dubaj u l-Panama.

L-MŻPN spjega kif il-media, kemm dik lokali kif ukoll dik internazzjonali, bħalissa jinsabu dominat b’fatti surreali li jikxfu n-nuqqas ta’ kontabilita’, trasparenza u partikolarment in-nuqqas ta’ verita’ li l-Gvern qiegħed jgħid fil-konfront ta’ dan l-akbar skandlu li qatt laqat lil Malta. Il-fergħa żgħażugħa tal-Partit Nazzjonalista qegħda ddur fuq l-għola istitutzzjoni fl-Unjoni Ewropea sabiex żżomm mal-valuri ta’ governanza tajba u demokratiċi u tiġbed l-attenzjoni dwar dawn il-problemi.

Hekk kif l-MŻPN ilbieraħ attendiet id-Demostrazzjoni Nazzjonali kontra l-korruzzjoni, fejn ħadet il-pożizzjoni mal-Oppożizzjoni kontra dan il-Gvern, il-fergħa se żżomm il-pożizzjoni tagħha wkoll favur iċ-ċitaddini ta’ Malta li qegħdin jitolbu li r-responsabilta’ politika għandha tintrefa minn dawk li qegħdin imexxu pajjiżna u li rnexxilhom itebbaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. L-MŻPN stqarret li hi ħadet din il-pożizzjoni minħabba li ħaddieħor m’għandux il-kuraġġ u l-integrita’ li titkellem favur dak li tajjeb u ġust.