Lokali Parlament

Laqgħa llejla bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat

Ritratt mill-arkivji

Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra llejla mistenni jiltaqa’ fil-Parlament biex jiddiskuti d-dibattitu li jrid isir dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat li ppreżenta l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil il-Ħamis li għadda.

Il-mozzjoni tressqet fil-Parlament wara li l-Oppożizzjoni ma baqgħetx siekta quddiem it-tkaxkir tas-saqajn mill-Prim Ministru Muscat biex jieħu d-deċiżjonijiet li huma meħtieġa fl-interess tal-pajjiż wara li l-Ministru Konrad Mizzi u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja nqabdu b’kumpaniji u kontijiet sigrieti.

Il-Ministru Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-iskandlu tal-Panama Papers, li kien żvelat minn Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi.

Wara li fl-aħħar tmien ġimgħat il-Prim Ministru baqa’ ma jieħu l-ebda azzjoni minn meta kien żvelat li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, għandhom kumpaniji u kontijiet sigrieti, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja mhux għax trid elezzjoni akkost ta’ kollox’ iżda għaliex il-pajjiż ma jistax jibqa’ jitmexxa minn Joseph Muscat. L-elezzjoni baqgħalha sentejn u l-Partit Laburista għandu kull possibbiltà li jifforma gvern ieħor.

Hekk kif l-Oppożizzjoni ressqet il-proposti tagħha lill-Gvern dwar kif fil-Parlament għandha tiġi diskussa din il-mozzjoni, il-Prim Ministru, li bħalissa jinsab imsiefer il-Libanu u l-Ġordan, diġà qal li din il-mozzjoni se tkun diskussa nhar il-Ġimgħa.
Il-Gvern u l-Oppożizzjoni se jiltaqgħu llejla fis-6pm biex jiddiskutu d-dibattitu li għandu jsir dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat.

Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra jkun ippresedut mill-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia.