Internazzjonali

Brussell: Akkużi dwar terroriżmu u aktar arresti

Il-pulizija Belġjana, li għadha tinvestiga t-terroriżmu tat-22 ta’ Marzu fil-qalba ta’ Brussell, ressqet akkużi kontra żewġt irġiel oħra b’konnessjoni mal-attakki qattiela mill-ISIS li, dakinar, ħallew 32 mejtin fl-ajruport internazzjonali u l-metro tal-kapitali Belġjana.

Iż-żewġt irġiel inkwistjoni – identifikati bħala Smail F u Ibrahim F – huma aħwa u jingħad li għandhom konnessjoni ma’ residenza li użaw tnejn minn fost it-tliet terroristi suwiċida li, ix-xahar li għadda, wettqu l-isplużjonijiet qattiela fit-terminal ta’ Zaventem u l-istazzjon (metro) ta’ Maelbeek. L-akkużi miġjuba kontra l-aħwa jinkludu ‘każ ta’ omiċidju fuq bażi ta’ terroriżmu’ u attentati għal azzjonijiet terroristiċi’.

L-aħħar rapporti minn Brussell qalu wkoll li ta’ lanqas tliet suspettati b’konnessjoni mal-attakki terroristiċi ta’ Novembru mill-ISIS fil-qalba ta’ Pariġi, inġabru mill-Pulizija Belġjana biex jgħinu fl-investigazzjonijiet. L-attakki ta’ Novembru kienu rriżultaw f’130 mejtin f’diversi bnadi tal-kapitali Franċiża u issa, il-pulizija Belġjana arrest aktar persuni waqt rejd fuq dar f’Uccle, subborg ta’ Brussell.

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, il-pulizija Belġjana arrestat aktar suspettati, b’wieħed minnhom, Mohamed Abrini, jammetti li hu r-‘Raġel bil-Kappell’, li kien il-laqam mogħti lit-tielet terrorista li kien deher fl-ajruport ta’ Brussell fil-kumpanija taż-żewġ terroristi l-oħra li wettqu l-istraġi tax-xahar li għadda fit-terminal. Jingħad li Abrini kien ħarab mill-inħawi mingħajr ma tajjar l-isplużivi li kellu fuqu.

Għalissa, l-investigaturi ma jafux jekk jistax hemm aktar suspettati jiżgiċċaw lill-awtoritajiet fil-Belġju. Dan waqt li esperti dwar il-militanti Iżlamiċi wissew li l-awtoritajiet fil-Belġju jistgħu qed jikkonfrontaw ‘entità akbar (ta’ militanti) milli ħasbu oriġinarjament’. F’dan il-każ, mhux qed ikun eskluż li jista’ għad fadal ‘għexieren ta’ elementi attivi’ li jiffurmaw parti minn network terroristiku speċifiku.