Internazzjonali

David Gest: L-istilla tar-reality TV jinstab mejjet ġo lukanda

L-entertainer magħruf Amerikan, David Gest, li kien produttur u personalità tar-Reality Television, instab mejjet ġo lukanda fl-inħawi ta’ Canary Wharf, f’Londra. Ma jidhirx li, f’dan il-każ, seta’ kien hemm xi ċirkostanzi suspettuzi.

Gest, li kellu 62 sena, kien l-eksraġel tal-kantanta Liza Minnelli u ftit tax-xhur ilu deher fuq Celebrity Big Brother, fir-Renju Unit. Hu anki kien famuz bħala membru tal-panel assoċjat ma’ Grease Is The Word, li hu fost l-aktar talent shows rinomati.

Intant, David Gest kien qed jippjana tour fir-Renju Unit matul is-sajf, fejn kellhom jidhru miegħu numru ta’ kantanti, fosthom Dina Carroll u Freda Payne.

Ix-show ġdid kellu jadotta t-tema ‘David Gest is Not Dead But Alive With Soul Tour’ – b’dan l-isem stramb ikun dovut għal taħwida li nqalgħet matul is-Celebrity Big Brother ta’ din is-sena, fejn parteċipanta semgħet dwar il-mewt tal-kantant David Bowie u ħasbet li l-mejjet, f’dan il-każ, kien proprju Gest.