Il-Ministru Evarist Bartolo kompla fil-Parlament illejla jitkellem dwar l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers u appella biex dawk involuti jerfgħu r-responsabbiltà.
Appella wkoll biex nitgħallmu minn din l-esperjenza billi ssir attività illegali għal kull ċittadin Malti li jiftaħ kont f’pajjiż fejn ma jkunx hemm skambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi.
Iddikjara wkoll li l-Gvern għandu b’serjetà jindirizza b’mod serju u onest il-problemi li jinsab fihom quddiem l-iskandlu tal-Panama Papers.
Ma nħallux lil min iħawwad, ikomplu jħawwad
Appella wkoll biex nieħdu l-passi meħtieġa billi nifhmu sew x’irridu nagħmlu, u dan ikun jaqbel għar-reputazzjoni tajba tas-settur finanzjarju ta’ pajjiżna u nirriflettu fuq dawn il-passi meħtieġa bis-serjetà u ma nħallux lil min iħawwad, ikomplu jħawwad.
Il-Ministru Bartolo m’għandux fiduċja fiċ-Chairperson tal-MFSA
Il-Ministru Bartolo ddikjara wkoll li m’għandux fiduċja fiċ-Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji (MFSA) li qal li hu direttur fil-kumpanija SR Global Fund Inc li għandha hedge funds f’Cayman Islands. Staqsa jekk dan hux kunflitt ta’ interess u jekk dan jagħmilx sens.
Semma kif fl-istorja tal-Panaman Papers, qed jara ħafna ipokrezija u double standards, li spjega li ssarrfet bħala okkażjoni biex jiġi msawwat il-Gvern Laburista u mhux biss biex nitgħallmu bħala politiċi u bħala pajjiż biex dak li ġara ma jerġax jiġri.
Spjega wkoll li hu se jkun qed jivvota mal-Gvern fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja li se tressaq l-Oppożizzjoni nhar it-Tnen li ġej. Ikkritika wkoll l-iskema ta’ ċedoli, l-iskema ta’ self li ħabbar il-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra, faħħar il-mudell li fuqu ħadmu Gvern u Oppożizzjoni meta fl-1994 twaqqaf is-sistema ta’ servizzi finanzjarji komprensiva u b’liġi li titkellem ċar fuq għodod ta’ strumenti finanzjarji, bħalma huma bonds.
Il-Ministru Bartolo temm l-intervent tiegħu fil-Parlament jgħid li hu jerfa’ r-resposnabbiltà ta’ dak li qal, bħalma għandu jkun responsabbli kulħadd.
Wara l-Ministru Bartolo, tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera li feraħ lill-Ministru Bartolo għad-diskors tiegħu u li qal li kien qed jitkellem fuq l-istess linja ta’ ħsieb.
Aktar kmieni llum, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-kummenti li għadda l-eks-Mexxej Laburista Alfred Sant li nsista li Konrad Mizzi għandu jirriżenja, li kieku kien hu, kien jirriżenja.
//= $special ?>