Il-ġurnal awtorevoli Financial Times qed jirrapporta kif l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti li fassal il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed tiġbed lejha aktar kritika qawwija.
F’rapport dettaljat dwar l-aħħar żviluppi li ħerġin minn pajjiżna, il-Financial Times tgħid illi l-iskema taċ-ċittadinanza hija immirata għas-sinjuri li l-għan tagħhom hu li jixtru passaport Ewropew. Din l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti qed titmexxa f’ċirkustanzi dubjużi, jgħid il-Financial Times.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tkun imħeġġa biex tieħu azzjoni quddiem din is-sitwazzjoni xejn sabiħa fejn hem allegazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess minn dawk li afdaw l-iskema f’idejn Henley & Partners.
Il-Financial Times jikkwota lill-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola tgħid illi l-bejgħ taċ-ċittadinanza tqajjem diversi domandi, partikolarment dwar it-trasparenza u s-sigurta’ f’pajjiżna.
Jirriżulta li aktar minn 1,000 passaport Malti inxtraw minn barranin sinjuruni illi ħadd ma jaf min huma. Il-Financial Times jgħid ukoll illi l-Gvern u Henley & Partners dejjem ċaħdu li saru xi prattiċi ħżiena.
L-istess ġurnal jgħid illi malta saret kalamita għal persuni partikolari ġejjin miċ-Ċina, ir-Russja u l-Lvant Nofsani.
Fir-rapport jintqal illi skema differenti imħaddma fir-Renju Unit għandha regoli ħafna aktar stretti – titlob investiment ta’ £2 miljuni, li jgħixu fil-pajjiż għal tliet snin u jistennew il-passaport total ta’ sitt snin. Dawn ir-regoli l-ġodda kienu ddaħħlu fir-Renju Unit sentejn ilu.