Internazzjonali

Il-‘Brexit’ joħloq ħsara fuq livell globali

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) wissa li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, fi proċess magħruf bħala ‘Brexit’, jikkaġuna ‘ħsara kbira fuq livell reġjonali u daqstant ieħor globali’.

L-IMF, permezz tal-aħħar analiżi, sostniet li l-‘Brexit’ għandu jħarbat ir-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti waqt li jimponi ‘sfidi enormi’ għar-Renju Unit u l-kumplament tal-Ewropa. Fl-istess ħin, l-IMF saħaq li r-referendum ippjanat għat-23 ta’ Ġunju – fejn ir-Renju Unit jiddeċiedi jekk ikomplix fi ħdan l-UE – diġà ħoloq inċertezza għall-investituri u li s-sitwazzjoni tiggrava f’każ li l-Britanniċi jivvutaw biex jitilqu.

L-IMF, fl-istess ħin, naqqas il-pronostiku dwar l-iżvilupp tar-Renju Unit għal 1.9 fil-mija, din is-sena, mit-2.2 fil-mija li kien imbassar f’Jannar.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali jaħseb li f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE, is-sistemi li jippermettu kummerċ reċiproku u proċessi fiskali stabbiliti jonqsu ‘fost it-theżżiż’, waqt li jonqsu wkoll benefiċċji relatati għall-integrazzjoni u koperazzjoni ekonomika. Dan waqt li s-swieq finanzjarji jsiru dejjem aktar imprevedibbli.

Fl-istess ħin, il-Konfederazzjoni tal-Industrija Britannika (CBI) wissiet li l-‘Brexit’ kapaċi jiswa madwar 100 biljun Sterlina lill-ekonomija tar-Renju Unit, fost it-telf ta’ kważi miljun impjiegi.