Internazzjonali

Il-kriżi politika fil-Brażil: Il-President Rousseff eqreb ta’ ‘impeachment’

Il-proċess ta’ impeachment qed javviċina bħala realtà għall-President tal-Brazil, Dilma Rousseff, li kapaċi, ’il quddiem, tispiċċa sospiża u, eventwalment, imneħħija mill-poter.

Dan wara li Kumitat tal-Kungress Brażiljan ivvota biex ikomplu l-proċeduri lejn l-impeachment ta’ Rousseff, li hi membru tal-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan, u li qed tkun akkużata li mmanipulat il-kontijiet tal-Gvern biex taħbi ħofra kbira fil-finanzi. L-għajnejn kollha, issa, se jduru fuq vot kruċjali li jiddeċiedi l-futur politiku ta’ Dilma Rousseff u li kapaċi jsir bejn nhar il-Ħadd u t-Tnejn.

Filwaqt li l-vot mill-Kumitat tal-Kungress kien wieħed simboliku, ir-riżultat jirrifletti appoġġ kbir għat-tkomplija tal-proċess fir-rigward ta’ Rousseff qabel il-vot li jmiss fil-kamra t’isfel tal-Kungress, fejn tinħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi biex il-kwistjoni ta’ impeachment, imbagħad, titressaq quddiem is-Senat.

F’din is-sitwazzjoni, is-Senat ikollu s-saħħa biex jissospendi lil Rousseff, li tkun ukoll suġġetta għal proċess legali qabel tispiċċa mill-poter. L-akkuża prinċipali fil-konfront tal-President hi li hi kienet abbużat ir-regoli fiskali, fost manipulazzjoni intiża biex l-iżbilanċ nazzjonali jidher ‘iżgħar milli kien’ qabel l-elezzjonijiet għall-Presidenza.

Illum, il-President Rousseff u l-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan huma implikati sew f’korruzzjoni li jinvolvi lill-istess partit u l-kumpanija taż-żejt tal-Istat Petrobras, fejn numru ta’ politiċi u negozjanti huma akkużati dwar xiri u ‘tpartit’ ta’ favuri.

Il-Gvern Brażiljan hu anki ‘sorpriż’ bid-disfatta kbira għal Rousseff waqt il-vot mill-Kumitat tal-Kungress. Dan waqt li s-sostenituri ta’ Rousseff, fosthom l-eks-President tal-Brażil, Luiz Inacio da Silva, qed joġġezzjonaw bil-qawwi kontra l-moviment favur l-impeachment, li huma qed ixebbhu ma’ ‘attentat għal kolp ta’ stat’.

Madankollu, l-Oppożizzjoni Brażiljana qed tgħid li l-impeachment ta’ Rousseff ikun importanti għas-soċjetà minbarra li jwassal għall-bidliet u riformi meħtieġa fil-pajjiż.