Internazzjonali

Il-Panama Papers: ‘It-trasparenza se tibqa’ għal kulħadd u rridu naċċettawha’

L-eks-Kap tal-Partit Konservattiv Britanniku, William Hague qal li l-era għal trasparenza akbar illum saret parti mill-ħajja u li wieħed għandu jaċċetta l-fatt u l-konsegwenzi relatati.

Hu ikkummenta hekk wara l-kontroversja li qamet dwar l-affarijiet finanzjarji tal-Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron, li jmexxi l-Partit Konservattiv fil-Gvern.

Cameron, f’dawn il-jiem, kompla bid-doveri politiċi tiegħu meta insista, fil-Parlament, li hu ma għamel xejn illegali. Dan wara jiem ta’ domandi u spekulazzjoni dwar l-affarijiet finanzjarji tiegħu li bbażaw fuq leaks tal-Panama Papers rigward interessi relatati għal fond offshore li kien waqqaf missier Cameron (illum mejjet).

Sadanittant, u filwaqt li tenna li t-trasparenza ‘se tibqa’ għal kulħadd’, William Hague qal li, fl-istess ħin, għandu jsir dibattitu li jirrifletti livell ta’ maturità fiċ-ċirkostanzi.

L-informazzjoni żvelata mill-Panama Papers anki wasslet għal skrutinju akbar tal-użu ta’ ġurisdizzjonijiet, magħrufa bħala tax havens, fejn wieħed jista’ jevita l-obbligi tiegħu fir-rigward tat-taxxa.

Dan meta l-Unjoni Ewropea illum introduċiet pjani ħalli l-akbar kumpaniji jkunu mġiegħlha jiżvelaw aktar dwar l-interessi tat-taxxa.

Ir-regoli se jaffettwaw intrapriżi u ażjendi multinazzjonali li l-bejgħ tagħhom hu ekwivalenti għal aktar minn 750 miljun ewro. Dawn l-entitajiet, issa, iridu jagħtu dettalji tal-ammonti tat-taxxa li jħallsu fl-Istati tal-UE speċifiċi, filwaqt li jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe attività li tista’ ssir fiz-zoni (tax havens) partikolari.