Lokali

“Jeħtieġ li f’pajjiżna tirrenja n-normalità” – Mario De Marco

“Jeħtieġ li f’pajjiżna tirrenja n-normalità” sostna l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco meta kien qed jitkellem waqt il-programm Reporter, f’dibattitu mal-Ministru Michael Farrugia.

Mario De Marco qal li l-problema llum hi ‘Joseph Muscat’. Fin-nuqqas ta’ deċiżjonijiet iebsa u bżonnjużi għall-pajjiż, il-Prim Ministru tilef l-awtorità morali li jiggverna.

Mario de Marco żied li l-fatt li Muscat ilu 7 ġimgħat jevadi deċiżjoni kontra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, jikkonferma kemm il-Prim Ministru tilef l-awtorià morali li jiggverna.

Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, li poġġewhom fi ‘trusts’ fi New Zealand u li magħhom riedu jorbtu kontijiet bankarji sigrieti f’Dubaj. Konrad Mizzi ssemma’ f’lista ta’ 140 politiku minn madwar id-dinja li użaw il-Panama biex jevadu t-taxxa jew jaħslu l-flus.

Waqt id-dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali, Michael Farrugia ddefenda lil Konrad Mizzi imma qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jieħu deċiżjoni kontra Konrad Mizzi. Żied li d-deċiżjonijiet se jittieħdu ladarba tintemm l-investigazzjoniji li qed issir mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni.

“Imbgħad ikun f’idejn il-Prim Ministru li jiddeċiedi x’passi jieħu fl-aħjar interess tal-pajjiż” sostna Michael Farrugia.
Iżda l-investigazzjoni kienet kritikata minn ħafna minħabba l-liġijiet ta’ segretezza li hemm kemm fil-Panama kif ukoll fi New Zealand.

Fl-aħħar jiem ukoll, Konrad Mizzi tefa’ l-ballun f’saqajn Joseph Muscat, meta waqt il-Konferenza Ġenerali Laburista ddikkjara li se joqgħod għal kull deċiżjoni li jieħu l-Prim Ministru. Iżda f’diskors waqt l-istess Konferenza jumejn wara, Muscat ma ħabbar l-ebda deċiżjoni.

Waqt ‘Reporter’ preżentat mill-preżentatur Saviour Balzan, il-Ministru Laburisa nfexx f’attakk fl-Imħallef-emeritu Giovanni Bonello talli dan ipparteċipa fid-Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni ta’ nhar il-Ħadd li għadda.

B’reazzjoni, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Giovanni Bonello, li dejjem iddefenda l-aktar drittijiet fundamentali fil-pajjiż.

Id-diskussjoni dwar l-iskandlu tal-Panama kompliet b’diskussjoni dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiż, b’Mario De Marco jgħid li r-reputazzjoni fis-settur finanzjarju hi mibnija fuq reputazzjoni ta’ serjetà.

Fl-aħħar jiem, numru ta’ imsieħba soċjali, fosthom l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-UĦM Voice of the Workers esprimew tħassib li l-iskandlu tal-Panama jista’ jaffettwa mad-9,000 persuna li jaħdmu fis-settur finanzjarju.

“Il-fatt hu li b’dak li għamel, kien totalment inaċettabbli li l-Ministru Konrad Mizzi mar jiftaħ kumpanija fil-Panama”, sostna Mario De Marco, filwaqt li żied li mhuwiex aċċettabbli li Ministru jmur jiftaħ kumpanija għas-senserija.