Lokali Qorti

Kumpens dwar mewt ta’ tarbija

Koppja li fl-1988 tilfet tarbija kawża ta’ trattament żbaljat għat-tip ta’ demm tal-omm, ingħatat kumpens ta’ €20,400 mill-Qorti Ċivili. Il-każ imressaq minn Andrew u Maria Brincat kien deċiż kontra l-Uffiċjal Mediku Ewlieni ta’ Mater Dei, il-Ministru tas-Saħħa u s-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon.

Il-koppja qalet li meta l-omm kienet tqila bl-ewwel tarbija, sar test tad-demm tal-omm fl-Isptar San Luqa u f’Mejju 1987 intqalilha li t-tip ta’ demm tagħha kien “A+”. L-ewwel tarbija tagħhom, Nicole, twieldet f’Ġunju ta’ dik is-sena u meta f’Mejju 1998 l-omm reġgħet kienet tqila, sar test ieħor tad-demm, li din id-darba rriżulta li kien “A-“. Kien stabbilit li l-ewwel test tat-demm li ttieħed kien skorrett.

Il-koppja Brincat qalet li l-mewt tat-tieni tarbija kien riżultat dirett tal-iżball li sar fit-tip ta’ demm minħabba li l-omm ma ngħatatx ‘Anti-D’, li kien it-trattament essenzjali fil-każ ta’ “A-” biex ikun hemm prevenzjoni għall-omm billi tipproduċi elementi mediċi li jistgħu jikkaġunaw ħsara lit-tarbija. Il-koppja sostniet li dan sar b’nuqqas mill-awtoritajiet.

L-Imħallef Zammit McKeon stabilixxa li l-ewwel testijiet tad-demm kienu skorretti u dan l-iżball kellu konsegwenzi serji. Il-Qorti qalet li t-talbiet tal-koppja Brincat għal kumpens tal-ħlasijiet li għamlu għall-akkomodazzjoni, it-titjiriet u l-kiri ta’ appartament fl-Ingilterra kienu ġustifikati.