Lokali

L-aktar xitwa xotta fir-rekords

B’99.6mm xita, ix-xitwa li għaddiet kienet kważi erba’ darbiet aktar xotta mis-sena ta’ qabel. Fil-fatt, ix-xitwa kienet ikkaratterizzata minn temp li ġeneralment ikollna fir-rebbiegħa fil-gżejjer Maltin.

Dan ħareġ minn stqarrija ppublikata mill-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-ogħla temperatura tax-xitwa ntlaħqet f’Marzu, b’24.6°C, filwaqt li t-temperatura medja tal-baħar għal Diċembru kienet ta’ 18.6°C u Frar kien l-aktar xahar xott tul ix-xitwa li għaddiet u l-aktar xott fit-93 sena li għaddew.

Il-ġranet fix-xitwa kienu aktar imdawlin mis-soltu, bid-19 ta’ Frar tgawdi x-xemx għal madwar 10 sigħat, li hu biss ftit anqas mill-medja ta’ sigħat imdawlin irreġistrata f’Awwissu 2015.

Għalkemm f’Diċembru niżel l-akbar ammont ta’ xita, il-45.8mm irreġistrati xorta kienu anqas min-norma ta’ 104.8mm għal dan iż-żmien tas-sena.