Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Filmat: L-Enemed trid teqred il-Wied ta’ Ħas-Saptan biex tibni ħażna tal-fuels taħt l-art

L-aġenzija tal-Gvern Enemed trid teqred medda ta’ 6,000 metru kwadru fil-Wied ta’ Ħas-Saptan biex minflok razzett u żona agrikola bi dritt ir-‘runway’, tibni ħażna tal-fuels taħt l-art.

Din iż-żona, li hi art agrikola mimlija siġar taż-żebbuġ, tal-ħarrub u saħansitra ‘cart ruts’, spiss tintuża’ minn familji li jorganizzaw picnics, ħarġiet għal tfal tal-iskola u anke scouts, tant li fil-jiem li ġejjin mistennija ssir attività ta’ ‘clean up’.

Hu stmat li jekk dan il-proġett jiġi approvat, se jmorru f’din iż-żona madwar 40 trakk kuljum, jew ħamsa kull siegħa, bil-konsegwenza li jkollha titwessa’ t-triq li tagħti għaż-żona.

Il-Kunsill Lokali tal-Gudja, f’laqgha li ssejħet b’urġenza mill-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u Stefan Caruana, iddeċieda li joġġezzjona għall-proposta li hemm quddiem il-MEPA.

Min-naħa l-oħra, kien biss is-Sindku Laburista tal-lokalità li esprima ruħu favur il-proġett u qal li dan hu “proġett modern u ta’ ġid għar-residenti”. Kompla li “imbilli erbgħa min-nies imorru bir-rota jew jimxu ‘l hemm, ma jfissirx li nwaqqfu proġett nazzjonali”.

Meta mistoqsi għaliex, min-naħa l-oħra, fl-2005 kien kontra proġett simili, is-Sindku qal li “dak kien żmien ieħor u issa l-proġett hu wieħed modern”.

Fl-aħħar jiem, il-Front Ħarsien ODZ appella biex isir eżerċizzju trasparenti fl-għażla ta’ sit alternattiv. Dan meta jidher li kien hemm ċans li l-ħażna tal-fuels issir f’Ras Ħanżir, f’Kordin, li hi żona li mhux agrikola u diġà industrijali.