Il-ġurnal Financial Times qed jirrapporta kif l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti li fassal il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed tiġbed lejha aktar kritika qawwija.
F’rapport dettaljat dwar l-aħħar żviluppi li ħerġin minn pajjiżna, il-Financial Times jgħid li l-iskema taċ-Ċittadinanza hi mmirata għas-sinjuri, li l-għan tagħhom hu li jixtru Passaport Ewropew. L-iskema qed titmexxa f’ċirkustanzi dubjużi, sostna l-Financial Times.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tkun imħeġġa biex tieħu azzjoni quddiem din is-sitwazzjoni, fejn hemm allegazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess minn dawk li afdaw l-iskema f’idejn Henley & Partners.
Il-ġurnal ikkwota lill-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, li qalet li l-bejgħ taċ-Ċittadinanza tqajjem diversi domandi, partikolarment dwar it-trasparenza u s-sigurtà f’pajjiżna.
Jirriżulta li aktar minn 1,000 Passaport Malti inxtraw minn barranin sinjuruni li ħadd ma jaf min huma. Il-Financial Times kompla li l-Gvern Malti u Henley & Partners dejjem ċaħdu li saru xi prattiċi ħżiena, għalkemm il-ġurnal jgħid li Malta saret kalamita għal persuni partikolari ġejjin miċ-Ċina, mir-Russja u mil-Lvant Nofsani.
//= $special ?>

