Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

L-istudenti għandhom jingħataw iċ-ċans li jħossu li l-Ewropa hi tagħhom – Comodini Cachia

Fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu ġew ippreżentati żewġ rapporti tal-kumitat CULT, li tiegħu l-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia hija membru.

Meta kienet qed tindirizza s-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, waqt id-diskussjoni dwar l-ewwel rapport “Learning EU at School”, il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li fit-theddida tar-radikalizzazzjoni li qed tolqot il-valuri tagħna, qed tinħass il-ħtieġa li ż-żgħażagħ iħossu ferm aktar li l-Ewropa hi tagħhom.

It-tagħlim u l-edukazzjoni dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma l-inklużjoni soċjali, is-solidarjetà, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-ħarsien tal-Liġijiet, huma ħoloq importanti tal-kultura Ewropea, li jistgħu jgħinu biex l-istudenti jifhmu u jagħtu l-kontribut tagħhom lejn l-iżvilupp tas-soċjetajiet Ewropej.

L-MEP Maltija enfasizzat li filwaqt li l-Pajjiżi Membri jgħallmu l-istudji Ewropej, il-valuri u l-kultura Ewropea jmorru lil hinn mill-istudji tal-istrutturi u proċessi formali oħra. Hi appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ il-kontribut lejn dan il-qasam billi tikkontribwixxi lejn opportunitajiet kontinwi ta’ taħriġ lill-edukaturi, tipprovdi linji gwida komuni li jiddefinixxu standards għoljin tal-edukazzjoni, appoġġ u tqassim ta’ prattiċi tajba, kif ukoll billi tipprovdi pjattorma ta’ ‘e-learning’ u materjal diġitali lill-għalliema.

Comodini Cachia qalet li t-tagħlim tal-valuri Ewropej u l-kultura mhumiex biss għall-klassi, iżda jeħtieġ ukoll li jingħata l-appoġġ lejn miżuri u edukazzjoni informali li jqarrbu liż-żgħażagħ lejn l-istituzzjonijiet Ewropej u li jqarrbu lill-istudenti u lill-għalliema minn pajjiżi Ewropej differenti lejn xulxin.

Therese Comodini Cachia, li hi Rapporteur tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għal implimentazzjoni aħjar tal-programm “Erasmus+”, ikkummentat dwar ir-rapport “Erasmus+ and other tools to foster mobility in vocational education and training (VET)”. Hi reġgħet appellat li t-taħriġ vokazzjoni m’għandux jitqies bħala li għandu anqas valur, filwaqt li l-perċezzjoni negattiva trid tiġi indirizzata permezz ta’ ħidma komuni.

“Nistgħu nibdew billi nistabilixxu standards komuni Ewropej għat-tagħlim vokazzjoni li jipprovdu lill-għalliema b’taħriġ tajjeb u li jiffaċilitaw il-mobbiltà u r-rikonoxximent tal-kompetenzi f’sistemi nazzjonali differenti”. Comodini Cachia, li hi wkoll ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, appellat li biex tieqaf il-perċezzjoni negattiva, il-Pajjiżi Membri għandhom jieqfu milli jużaw it-taħriġ vokazzjoni bħala għodda ħalli juri li qed jonqsu l-istudenti li jitilqu qabel iż-żmien mill-iskola billi jnaqqsu l-livell edukattiv.

Lanqas m’għandu jkun li studenti jiġu mħeġġa lejn it-taħriġ vokazzjonali mingħajr ma jkunu mgħallma l-ħiliet bażiċi. “It-taħriġ vokazzjonali m’għandux jitqies bħala s-soluzzjoni għall-problema tal-istudenti li jitilqu qabel iż-żmien mill-iskola, iżda miżura li tħeġġeġ lil dawn l-istudenti biex jirritornaw għat-tagħlim”.

Therese Comodini Cachia qalet li l-VET jirrappreżentaw għodda importanti għat-tagħlim tas-snajja’ fi programm ta’ taħriġ tul il-ħajja, li jiffaċilita x-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi.