Lokali Unjoni Ewropea

L-UE trid tieħu azzjoni dwar sehem in-nisa fil-post tax-xogħol u fuq l-immigrazzjoni – l-MNPN

Madwar il-Pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea, l-ammont ta’ nisa li għandhom xogħol b’kariġi għolja turi ċifra kemmxejn diżappuntanti, skont statistika li ħarġet f’Ottubru 2015. l-ammont ta’ nisa f’karigi politiċi u fil-qasam tan-negozju, fost oqsma oħrajn, għadu wieħed baxx partikolarment fejn jidħol il-qasam ta’ tmexxija f’negozji, fejn qed ikun ikkalkulat li sa Ottubru 2015 l-ammont kien ta’ 22.7% nisa maħtura fuq bordijiet ta’ kumpaniji rreġistrati f’Pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea.

Hekk qalet Sandra Smart Costantino, is-Segretarju Internazzjonali tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) waqt laqgħa li kienet organizzata fi Praga mill-EPP Women. Smart Costantino qalet li l-Unjoni Ewropea qed tipprova tgħolli r-rata ta’ nisa f’pożizzjonijiet għolja fil-post tax-xogħol għal 40%.

Qed isir minn kollox biex din ir-rata tintlaħaq f’erba’ snin u b’hekk xi darba tibda tingħalaq id-distinzjoni bejn nisa u rġiel fil-post tax-xogħol, tant li jkun hemm l-ugwaljanza totali. Semmiet li l-possibbiltà ta’ kwota f’din il-kwistjoni hi dibattibli, għalkemm irrimarkat li fil-pajjiżi fejn iddaħlet kwota biex nisa jingħataw l-istess possibiltajiet biex ikunu f’karigi importanti kien hemm żieda konsiderevoli.

Sandra Smart Costantino semmiet kif sfortunatament Malta niżlet 20 post mill-2013 f’dak li hu l-World Economic Forum’s Global Gender Gap Index. Madankollu, fid-diskors tagħha, hi semmiet kif tul is-snin f’pajjiżna saru progressi kbar f’dan il-qasam.

Sandra Smart Costantino semmiet kif l-MNPN appella kemm-il darba lill-Gvern li hemm nisa li jixirqilhom li jkunu f’pożizzjonijiet għolja f’numru ta’ bordijiet. Semmiet anke kif il-Partit Nazzjonalista għandu numru ta’ nisa li jokkupaw karigi għolja fi ħdan il-Partit stess, fosthom lis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, lil Ann Fenech bħala President tal-Kumitat Eżekuttiv u lil Paula Mifsud Bonnici bħala President tal-Kunsill Ġenerali.

Dan juri kemm il-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Simon Busuttil, jemmen fil-politika li tħaddan l-Unjoni Ewropea għax fi ħdanu stess qed jipprova jimplimenta dik it-tip ta’ politika li jgħinu biex pajjiżi Ewropej jilħqu l-miri tagħhom fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Is-Segretarju Internazzjonali tal-MNPN tkellmet ukoll dwar l-immigrazzjoni, fejn sostniet li din il-kwistjoni hi waħda umanitarja u dwar il-ħajjiet ta’ mijiet ta’ persuni. Għalhekk, ma nistgħux nidistakkaw ruħna minn din ir-realtà, li qed tmiss il-fruntieri u l-pajjiżi Ewropej.

Sandra Smart Costantino temmet tgħid li rridu li l-Unjoni Ewropea taġixxi b’tali mod li ssib is-soluzzjonijiet għal din ir-realta’ biex ikunu salvagwardjati l-interessi ta’ ġenerazzjonijiet futuri.