Lokali

Panama Papers: “Kieku jien kont nirriżenja” – Evarist Bartolo

F’dikjarazzjoni li għamel dalgħodu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li kieku hu kien jirriżenja.

Evarist Bartolo dalgħodu kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-kummenti li għadda l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant. “Kieku l-parir tah lili, kieku jien kont nirriżenja” iddikkjara Evarist Bartolo.

Fl-aħħar jiem, Evarist Bartolo kien wieħed mid-Deputati fil-Grupp Parlamentari Laburista li ssemma’ bħala wieħed minn dawk li talbu li Konrad Mizzi jirriżenja, fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama.

Minkejja l-appelli interni biex Konrad Mizzi jirriżenja, il-Prim Ministru Joseph Muscat, nhar il-Ħadd li għadda, f’diskors mistenni, ma ħabbar l-ebda deċiżjoni u baqa’ jaħrab milli jiddikkjara passi fil-konfront kemm ta’ Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri.

Fil-kummenti mal-ġurnalisti, il-Ministru Evarist Bartolo qal “Li kieku kont jien, kieku qatt ma kien ikolli x’naqsam ma’ ġurisdizzjonijiet bħall-Panama”.

Il-Ministri Evarist Bartolo, Leo Brincat, George Vella u Louis Grech kollha ssemmew fil-lista ta’ Ministri li nsistew li Konrad Mizzi għandu jirriżenja. Anke l-Ministru Edward Scicluna ddikjara fil-Parlament li Joseph Muscat għandu jieħu deċiżjonijiet iebsa fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama.

Filmat: timesofmalta.com