Internazzjonali

Robert Plant u Jimmy Page (tal-Led Zeppelin) f’polemika dwar ‘Stairway to Heaven’

Robert Plant u Jimmy Page, membri leġġendarji tal-grupp tal-mużika Rock, Led Zeppelin, se jkunu pproċessati f’qorti tal-Istati Uniti bħala parti minn tilwima dwar copyright assoċjata mal-famuża kanzunetta Stairway to Heaven.

Il-kanzunetta li ħarġet fl-1971 hi stabbilita bħala waħda mill-aqwa kompożizzjonijiet tar-Rock għal kull żmien u issa spiċċat fiċ-ċentru ta’ polemika legali li, aktar ma jmur, qiegħda tbaqbaq.

Plant, il-kantant tal-Led Zeppelin, u l-kitarrista Page, huma membri fundaturi tal-grupp u se jkollhom jgħaddu mill-proċess wara li maġistrat distrettwali f’Los Angeles iddeċieda li hemm biżżejjed similaritajiet bejn Stairway… u biċċa mużika strumentali li kien ħareġ grupp bl-isem Spirit, biex il-każ jgħaddi quddiem ġuri.

Il-proċess fl-Istati Uniti jinstama’ fl-10 ta’ Mejju wara li tressaq rikors għal abbuż ta’ copyright minn Michael Skidmore, li hu fdat bl-interessi ta’ Randy Wolfe, il-kitarrista tal-grupp Spirit, li miet ftit taż-żmien ilu. Wolfe kien assoċjat antik tal-Led Zeppelin u fis-snin sittin appoġġjahom f’numru ta’ tours mużikali. Intant, Skidmore jinsisti li Wolfe kellu jingħata kreditu għas-sehem tiegħu fil-kompożizzjoni ta’ Stairway to Heaven.

Filwaqt li mifhum li Page u Plant kienu kkomponew Stairway to Heaven ġo dar remota f’Wales, Skidmore issuġġerixxa li l-kanzunetta ‘twieldet bħala idea’ wara li l-membri tal-Led Zeppelin semgħu lill-grupp Spirit jinterpreta s-silta strumentali Taurus meta ż-żewġ kumplessi kienu għaddejjin b’ tour ta’ kunċerti, flimkien, fl-1968 u l-1969.