Lokali

Sieħeb fin-negozju ta’ Keith Schembri hu fost in-negozjanti Maltin fil-Panama Papers

Il-kobba ta’ kumpaniji, negozji u politiċi tkompli titħabbel u kulma jmur ikomplu jiġu żvelati aktar rabtiet bejn Kastilja u negozjanti kbar f’Malta. Fost dawn, hemm negozjant Malti li jissemma’ fid-dokumenti tal-iskandlu tal-Panama.

Rapport fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times żvela li negozjant kbir Malti, li ismu deher fid-dokumenti tal-iskandlu tal-Panama Papers, hu wkoll sieħeb fin-negozju maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri (ritratt, xellug).

Id-dokumenti żvelati jsemmu fost oħrajn lin-negozjant Malti Pierre Sladden (ritratt, lemin), li f’Novembru li għadda assenja ‘invoice’ ta’ kważi miljun dollaru lil kumpanija fil-British Virgin Islands. Sladden għandu rwol u sehem f’mill-anqas żewġ kumpaniji, li għandhom ukoll interess minn Keith Schembri.

Waħda minn dawn il-kumpaniji jisimha ‘Cinebiss Limited’, li Pierre Sladden hu direttur tagħha flimkien ma’ missier Kieth Schembri. Barra minhekk, nofs l-ishma f’din il-kumpanija huma f’idejn Keith Schembri, filwaqt li nofs l-iehor huma f’idejn kumpanija oħra li s-sid tagħha hi l-Familja ta’ Sladden.

Isem in-negozjant Pierre Sladden fid-dokumenti ta’ Panama Papers deher ukoll flimkien ma’ Keith Schembri dwar il-kumpanija ‘Grigal Firms Limited, li tagħha Sladden hu Direttur u Shareholder. Anke l-kumpanija ‘Kasco Holdings’, ta’ Keith Schembri, hi shareholder tal-istess kumpanija.

Bħala Direttur u Shareholder fi ‘Grigal Firms Limited’ hemm ukoll Phyliss Muscat, il-ħabiba tal-Prim Ministru li ntgħażlet biex tmexxi t-taskforce taċ-CHOGM.