Tard ilbieraħ filgħaxija f’laqgħa ġewwa Arcore, il-kowċ Sinisa Mihajlovic tneħħa mill-kariga tiegħu bħala kowċ ta’ Milan wara l-aħħar serje negattiva. Fl-aħħar ħames partiti, Milan ġabru żewġ punti biss. L-istil ta’ logħob milgħub minn Milan taħt Mihajlovic qatt ma ħalla impressjoni fuq Silvio Berlusconi li f’xi drabi kkritika fil-pubbliku lill-kowċ Serb.
Flok Mihajlovic, il-kowċ il-ġdid se jkun il-kowċ attwali tal-Primavera Cristian Brocchi. Brocchi se jkollu kuntratt sa Ġunju li ġej u l-kuntratt eżistenti li kellu bħala kowċ tal-Primavera se jinbidel. Għal madwar il-11.30pm intemmet il-laqgħa bejn Silvio Berlusconi, Adrian Galliani u Cristian Brocchi li fiha ġie deċiż li Brocchi jkun il-kowċ il-ġdid. Skont l-informazzjoni mill-Italja, Mihajlovic li kien Ruma għal jumejn, irċieva telefonata minn Galliani li probabilment kkomunika miegħu li tkeċċa mill-kariga ta’ kowċ.
Għal ħabta tat-3.00pm, Brocchi se jkun qed imexxi l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ bħala kowċ ta’ Milan.