Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Paolo Gentiloni, żar Tripli b’turija ta’ appoġġ għall-Gvern ġdid Libjan għall-għaqda. Iż-żjara ta’ Gentiloni kienet anki l-ewwel waqfa minn uffiċjal ewlieni tal-Punent fil-Libja mill-2014.
Gentiloni niżel fl-ajruport ta’ Mitiga, fost sigurtà kbira, fi żmien meta l-Gvern ġdid tal-Libja, li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, qed jagħmel li jista’ biex jikkonsolida l-awtorità f’pajjiż mifni b’konflitt. Il-Ministru Taljan, aktar tard, esprima sodisfazzjon li seta’ jmur Tripli biex jappoġġja lill-Gvern Libjan għall-Għaqda.
Fl-aħħar jiem, Fayez al-Sarraj, li jmexxi l-Kabinett ġdid Libjan, kiseb l-appoġġ tal-istituzzjonijiet ewlenin li jikkontrollaw il-ġid tal-Libja wara li hu kien wasal fil-pajjiż mit-Tuneżija.
Il-Libja ilha mill-2014 tbati nuqqas ta’ stabbiltà politika. Dan minħabba l-preżenza ta’ żewġ Gvernijiet rivali, li wieħed minnhom, appoġġjat mill-Iżlamiċi, għandu s-sede fi Tripli waqt li l-ieħor rikonoxxut kien kostrett li jaħrab lejn Tobruk.
Intant, l-Italja tibqa’ strumentali fl-isforzi internazzjonali biex l-entitajiet Libjani rivali jappoġġjaw il-Gvern ġdid għall-għaqda li twaqqaf taħt ftehim li jesiġi l-qsim tal-poter fil-Libja.
//= $special ?>