Ix-Shadow Minister Marthese Portelli appellat lill-Awtorità tal-Ambjent tippriserva dak li fadlilna fil-kampanja u fl-ambjent u tevalwa b’għaqal il-proposta ta’ żvilupp f’Wied Għomor u tara kif l-istess proposta kienet trattata u studjata fl-2011. Dan biex ma nkomplux nieħdu deċiżjonijiet li dwarhom wara jiddispjaċina.
Meta tkellmet fl-Aġġornament illejla fil-Parlament, Marthese Portelli esprimiet il-vuċi tar-residenti tal-lokalitajiet ta’ San Ġwann u tas-Swieqi li Wied Għmor jifridhom, kif ukoll tal-Ibraġġ – tliet lokalitajiet li jmissu ma’ dan il-wied u li hu l-uniku pulmun ta’ kampanja f’zona fejn id-densità ta’ bini hi għolja. Spjegat ukoll li din hi zona li diġà qed tesperjenza twaqqigħ ta’ djar li qed jagħtu spazju għal aktar bini ta’ appartamenti bil-konsegwenzi u l-pressjoni li jġibu magħhom aktar residenti f’zoni diġà popolati.
Marthese Portelli fissret li dawn l-appelli qed tressaqhom fil-Parlament fi żmien li fih l-Oppożizzjoni għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Konvenzjoni li organizzat dwar l-ambjent.
Illum stess, l-Oppożizzjoni ltaqgħet mal-professjonisti fis-settur tal-ambjent, fosthom mal-Kamra tal-Periti, li saħqu wkoll fuq l-importanza li nissalvagwardjaw il-kampanja tagħna.
Fakkret ukoll li l-Oppożizzjoni nsistiet ukoll fid-dokunet ta’ qabel il-baġit meta spjegat u kitbet li hu ferm importanti li l-art, il-green areas, ma jitqisux bħala art inferjuri għall-art li hi llum bil-permess, iżda li l-art fil-kampanja jkollha valur fuq l-istess livell, jekk mhux aktar, tal-art bil-permess għal żvilupp.
Semmiet li l-professjonisti llum ukoll qed jaqblu li l-artijiet fil-kampanja hi importanti daqs l-art bil-permess ta’ żvilupp.
Ix-Shadow Minister sostniet li qegħdin f’mument delikat minħabba li kull deċiżjoni li tittieħed f’art ODZ u skedata, toħloq benchmark nazzjonali li ma jkunx ta’ ġid.
Kull żvilupp fil-wied ikun qed jagħti lok għal żviluppi oħrajn
Dwar il-każ ta’ Wied Għomor, fejn ġie propost biex partijiet minn dan il-wied jiġi żviluppat f’dar għall-anzjani, Marthese Portelli qalet li wieħed irid joqgħod attent kif juża l-kelma ‘riabilitat’ u esprimiet il-biża’ li din il-kelma tibda tintuża bl-iskuża tar-riabilitazzjoni biex isir il-bini f’zoni barra mill-iżvilupp. Saħqet li meta nitkellmu fuq riabilitazzjoni irridu nfissru li kemm jista’ jkun inġibu l-post fl-istat naturali tiegħu.
Wissiet li kull żvilupp li jsir fil-wied ikun qed jagħti lok għal żviluppi oħrajn bil-biża’ li l-wied jasal biex jinqered għalkollox.
Staqsiet jekk hemmx il-bżonn li jinqered l-uniku pulmun ta’ dawn il-lokalitajiet tas-Swieqi, San Ġwann u l-Ibraġġ, kunsidrati bħala zoni b’densità għolja ta’ residenza.
Wied Għomor hu protett fil-pjani lokali
Semmiet li l-iżvilupp li jista’ jsir f’dan il-wied se jiddisturba l-ftit kampanja li hemm f’dawn il-lokalitajiet u appellat biex il-wied jiġi riabilitat u jiġi mill-ġdid għall-istat naturali tiegħu. Sejħet bħala żball li jinbena l-wied mill-aspett ta’ lokalitajiet fid-dawl tal-bini qawwi li hemm fiz-zona.
Fissret li l-pjani lokali jiddikjaraw ukoll il-wied bħala zona skedata bħala wirt, u ma jħallux li jsir żvilupp f’dan il-wied.
Fakkret kif l-iSPED – il-politika mfassla ftit tax-xhur ilu fil-Parlament – jgħid bl-aktar mod ċar li l-proġetti jridu jsiru f’siti urbani, u l-eċċezzjonijiet biex jinbnew f’zoni protetti huma biss proġetti ta’ importanza nazzjonali jew fejn ma jkunx hemm alternattiva vijabbli oħra. Dak propost f’Wied Għomor mhux ta’ importanza nazzjonali, u staqsiet jekk il-proġett propost jistax isir f’postijiet oħrajn.
Il-proġett propost illum diġà kien tressaq fl-2011 u ma sarx
Spjegat ukoll li l-proġett propost f’dan il-wied ftit tas-snin ilu fl-2011, il-MEPA kienet waslet għal konklużjoni li jekk isir, il-proġett għandu jammonta għal 5% tal-iżvilupp tas-sit propost, bil-proġett xorta ma sarx. Illum, il-proġett jammonta għal żvilupp ta’ 8% tas-sit propost. Staqsiet kif il-MEPA fl-2011 kienet irrakkomandat 5% u llum l-iżvilupp qed jikber għal 8%.
Irrimarkat ukoll dwar il-proġett propost illum, li proġett ta’ dar għall-anzjani għandu jsir fl-aħjar interess tal-pajjiż u fis-siti adatti, u kif jiddikjaraw ukoll l-istudji tal-MEPA li djar għall-anzjani għandhom jinbnew fiċ-ċentri tal-komunitajiet.
Irreferiet għal ritratt taz-zona li għaddielha resident u li juri sqaq li jieħu għal barriera li qed jiġi propost li jitwessa’. Dan ikun ifisser li tittieħed aktar art fil-kampanja għall-aċċess tas-sit fejn se jiġi żviluppat.
Appellat lill-awtoritajiet jiżnu kollox, kif iridu wkoll il-professjonisti quddiem realtà li diġà qed jiddispjaċina fuq deċiżjonijiet li ttieħdu u li qed iwasslu biex illum insibu soluzzjonijiet għall-problemi li qed jinħolqu.
//= $special ?>