Skont stħarriġ li għadu kemm kien pubblikat, ħafna żgħażagħ Għarab ma jarawx li hemm lok għall-appoġġ tagħhom għall-ISIS.
Dan jirriżulta mit-tmien Arab Youth Survey mill-Asda’a Burson-Marsteller fejn instab li nofs iż-żgħażagħ Għarab jemmnu li l-ISIS hu l-ikbar problema li qed iħabbat wiċċu miegħu l-Lvant Nofsani. Min-naħa l-oħra kien hemm 80 fil-mija li eskludew kwalunkwe appoġġ għal dan il-grupp militanti Iżlamiku anki jekk il-grupp jirrinunzja għall-vjolenza. Dan waqt li kien hemm 76 fil-mija li kienu konvinti li l-ISIS ma kienx se jirnexxi joħloq Stat Iżlamiku.
Fl-istħarriġ ħadu sehem 3,500 żgħażagħ Għarab tal-età bejn it-18 u l-24 sena f’16-il pajjiż differenti matul il-perjodu ta’ Jannar u Frar.
Iżda f’analiżi li akkumpanjat l-istħarriġ, Hassn Hassan, esperti dwar l-ISIS fit-Tahrir Institute for Middle East Policy, wissa kawtela dwar dawn ir-riżultati peress li l-ISIS xorta għadu jattira udjenza żgħira fid-dinja Għarbija li hi dedikata għall-ideati radikali tal-grupp. Hassan żied li kien importanti li wieħed jifhem is-sors ta’ dan l-appell, limitat kemm hu limitat, għaliex dan jista’ jkollu konsegwenzi diżastrużi fir-reġjun. Hu qal li l-isfida mill-ISIS se tibqa’ anki jekk il-grupp jitkeċċa mit-territorji li jikkontrolla.
Mistoqsija fl-istħarriġ għaliex iż-żgħażagħ kienu attirati lejn l-ISIS, 24 fil-mija qalu li r-raġuni kienet in-nuqqas ta’ xogħol u ekonomija batuta filwaqt li 18 fil-mija jemmnu li hi l-interpretazzjoni tal-Iżlam tal-grupp.
Kiej hemm 25 fil-mija li qalu li ma setgħux jifhmu għaliex wieħed ried jissieħeb fi grupp simili.
L-istħarriġ ħares lejn temi oħra li qed jeffettwaw il-ħajja tal-Musulmani u nofs qalu li t-tensjoni bejn ix-Xiiti u s-Sunniti kull ma tmur qed isir agħar u l-maġġoranza ma temminx li d-dinja hi post aħjar wara r-Rebbiegħa Għarbija.
Aktar min-nofs qalu li għalihom, l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani kien aktar importanti mid-demokrazija.
Imma tnejn minn kull tlieta jridu li jsir aktar favur in-nisa f’pajjiżhom.
Jirriżulta li fost iż-żgħażagħ Għarab, l-Emirati Għarab Maqgħuda jitqies bħala mudell ta’ pajjiż u l-aktar li jixtiequ jmorru jgħixu fih. Irriżulta li 66 fil-mija taż-żgħażagħ huma inkwetati dwar il-prezz irħis taż-żejt.
Fl-istħarriġ ħareġ ukoll li l-akbar sors ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ Għarab hu mit-televiżjoni u l-gazzetti filwaqt li 32 fil-mija biss qalu li jaraw l-aħbarijiet fuq l-Internet.
Ebda post għall-ISIS fil-ħajja taż-żgħażagħ Għarab
