Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija dwar il-Liġi Marittima Ann Fenech iddeskriviet it-twaqqif tal-Aġenzija ‘Malta Marittima’ bħala pass importanti u pożittiv għall-qasam marittimu Malti.
Ann Fenech, li hija wkoll il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, spjegat li fis-snin li għaddew, Malta kisbet reputazzjoni tajba ħafna minħabba s-servizzi marittimi wiegħsa li toffri.
Hi għaddiet il-kummenti ma’ NETnews.com.mt f’konferenza tal-aħbarijiet li matula waqqfet din l-aġenzija. Konferenza li kienet indirizzata minn numru ta’ kelliema, fosthom minn Ann Fenech.
‘Malta Marittima’ hija aġenzija li se ġġib flimkien diversi imsieħba fil-qasam marittimu u oqsma oħra li b’xi mod jaffettwaw il-qasam marittimu. Din l-aġenzija se jkollha s-sehem kemm ta’ rappreżentanti governattivi kif ukoll ta’ imsieħba mis-settur privat.
Ma’ NETnews.com.mt, Ann Fenech spjegat li qabel dan il-pass, twaqqfet pjattaforma oħra bl-isem ‘Malta Maritime Forum’ li permezz tiegħu ngħaqdu numru ta’ entitajiet privati fis-settur marittimu.
“Malta dejjem ġibdet ħabel wieħed fis-settur marittimu u nawgura li dan ikun pass li jkompli jagħti aktar saħħa lil dan is-settur f’pajjiżna” temmet tgħid Ann Fenech.
//= $special ?>
